Internazzjonali

Il-Ġermanja: Sinjali ta’ suċċessi għaċ-ċentru-lemin fl-elezzjonijiet tal-Ewropa

Iċ-Chairperson tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber

L-istħarriġ fil-Ġermanja qabel l-elezzjonijiet ta’ Ġunju għall-Parlament Ewropew qed jindika li l-grupp politiku taċ-ċentru-lemin se  jmur aħjar mill-koalizzjoni tax-xellug – bħala ‘kollettiv’ — li qed tmexxi lill-pajjiż fil-preżent.

L-indikazzjonijiet huma li d-Demokristjani (CDU-CSU) ta’ Manfred Weber,li jiffurmaw parti mill-entità tal-Partit tal-Poplu Ewropew (PPE), għandhom jirbħu mat-34 fil-mija tal-vot ‘għall-Ewropa’ li kieku l-elezzjoni kellha ssir illum.

Manfred Weber ilu mill-2022 iservi bħala President tal-PPE u l-istħarriġ inkwistjoni fil-Ġermanja sar mill-aġenzija Forsa għal riċerka politika.

L-34 fil-mija li ssemmew fl-istħarriġ għandhom jindikaw punt wieħed perċentwali ogħla mill-appoġġ li mistennija jiksbu s-Soċjali Demokratiċi, id-Demokratiċi Ħielsa u l-Ħodor ilkoll flimkien u li huma kollha partiti orjentati lejn ix-xellug.

Minn dawn it-tlieta l-Ħodor x’aktarx li se jsofru l-akbar telfa ta’ appoġġ, bis-sostenn għalihom suppost li jonqos b’aktar minn ħames punti perċentwali mill-aħħar elezzjoni.

L-estremisti tal-lemin, sadanittant, għandhom iżidu l-appoġġ fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew – bil-Partit (populista) Alternative für Deutschland (ID), anki din id-darba, mistenni jispiċċa t-tielet l-akbar forza politika fil-Ġermanja.

Hu mbassar li dan il-partit jikseb ħmistax fil-mija tal-vot – erba’ punti perċentwali aktar milli kien kiseb fl-2019. Iżda dan l-ammont għandu jkun anqas milli, is-soltu, jikseb il-partit f’elezzjoni nazzjonali potenzjali; u f’liema proċessi domestiċi jikseb medja ta’ 20 fil-mija b’mod regolari.

Lanqas mhu eskluż li xi votanti li s-soltu jivvutaw għall- Alternative für Deutschland, f’Ġunju li ġej, jippreferu li, minflok, jafdaw lil xi gruppi populisti iżgħar bil-vot tagħhom.