Lokali

“Il-Gvern huwa maqtugħ mir-realtajiet tal-Għawdxin” – Alex Borg

“Il-Gvern huwa maqtugħ mir-realtajiet tal-Għawdxin”.

Hekk stqarr ix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg fl-attività politika tal-PN fin-Nadur, fejn id-deputat Nazzjonalista fakkar kif il-Gvern injora totalment lill-Għawdex fil-ħidma tiegħu, hekk kif fil-Budget Għawdex mhux talli ma kellux kapitlu dedikat għalih, iżda saħansitra l-Gvern naqqas in-nefqa kapitali għal Għawdex b’10%, tnaqqis li jfisser li l-Gvern anqas qed jinduna illi Għawdex għandu jiġi indirzzat b’mod separat minn Malta minħabba l-karatteristiċi u l-bżonnijiet differenti li għandha din il-gżira.

Fid-diskors tiegħu Alex Borg fakkar illi Għawdex għadu mingħajr sptar Ġenerali ġdid, wegħda li ilha żmien twil fuq l-ixkaffa. Fejn saħanistra fakkar illi apparti li l-Gvern nesa l-isptar Ġenerali, nesa ukoll l-bini l-ġdid tal-Qorti f’Għawdex, u l-proġett tal-breakwater f’Marsalforn.

U insista illi minkejja li l-Gvern berbaq miljuni ta’ ewro fl-iskandlu tal-isptarijiet, naqas milli jinvesti f’vapuri ġodda tal-Gozo Channel dan filwaqt li qed jonfoq l-eluf ta’ ewro kuljum fuq il-vapur second hand ‘Nikolaus’. Dan filwaqt li fakkar illi l-ambulanza tal-Isptar Għawdxi, ikollha tagħmel ġieli anke ħames vjaġġi minn tal-inqas bejn Malta u Għawdex sabiex pazjenti Għawdxin ikunu jistgħu jinżlu għal kura Malta.

Huwa tenna illi n-nuqqas ta’ ppjanar li għandu l-Gvern fejn jidħol il-Gozo Channel qed iħalli piż enormi fuq l-istudenti, il-ħaddiema, u kull min jaqsam bejn Malta u Għawdex, fejn saħanistra anke qed tiġi affetwata l-ekonomija Għawdxija.

Alex Borg tenna li il-PN dejjem ħadem għal Għawdex u wettaq proġetti li għadhom jitgawdew sal-lum. Fosthom, il-proġett taċ-Ċitadella, it-Triq prinċipali tar-Rabat, it-Triq ta’ Pinu, tax-Xlendi u tax-Xatt. Ix-Xatt ta’ Għawdex, it-Terminal tax-Xatt u t-Terminal taċ-Ċirkewwa, fost it-tlett vapuri ġodda għall-Gozo Channel.