Il-qasma fil-Partit Laburista ddominat il-ġurnali tal-Ħadd, hekk kif l-editorjali qed jinsistu li mhux kollox jinsab ward u żahar fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, b’Joseph Muscat jisraq ix-xena politika minn idejn Robert Abela, u b’Manuel Cuschieri jimbotta bla waqfien għar-ritorn tal-eks mexxej Laburista fix-xena politika.
Mhux hekk biss…iżda s-sitwazzjoni qed tkompli tiggrava bin-nuqqas ta’ azzjoni mill-Prim Ministru dwar x’għandu jiġri bil-kandidatura ta’ Muscat u r-ritorn ta’ Rosianne Cutajar.
Fil-MaltaToday, ingħad illi Manuel Cuschieri kompla żied id-doża ta’ inċertezza fi ħdan il-Labour, b’dikjarazzjoni li żergħet konfużjoni sħiħa fost il-Ministri u l-Membri Parlamentari.
Dan hekk kif f’messaġġ fuq Facebook Live, Cuschieri sostna li qed issir pressjoni interna sabiex Joseph Muscat ma jitħalliex joħroġ għall-elezzjoni tal-MEPs. Dan filwaqt li fl-istess video, Cuschieri sostna wkoll li laqgħa konġunta tal-grupp parlamentari u l-eżekuttiv li kellu jiddeċiedi dwar ir-riintegrazzjoni ta’ Rosianne Cutajar ġiet imħassra fl-aħħar minuta.
Fi kliem il-MaltaToday, diversi Ministri u Membri Parlamentari Laburisti qed jinsistu illi jinsabu skomdi bl-ossessjoni ta’ Cuschieri u s-saga mtawla ta’ Muscat. Filfatt, huma fissru l-ossessjoni ta’ Cuschieri daqs li kieku ġuvni li ma jistax inniżila li telqitu t-tfajla.
L-inċertezza li hemm bħalissa fi ħdan il-Partit Laburista kompliet tikber bil-kumment li “Qatt ma tkun taf, jekk Joseph Muscat hux ħiereġ għall-elezzjoni tal-MEPS.” Skond il-gazzetta tal-Ħadd ta’ The Malta Independent, il-qasma fi ħdan il-Labour – b’żewġ mexxejja fit-tmun tirrifletti l-istess qasma li kien hemm fil-Partit Laburista fl-1998, bil-partitarji qed jibżgħu li l-istorja tista’ tirrepetti ruħha u din il-qasma tista’ twassal għal kollass devastanti.
Intant, diversi esponenti fil-Partit Laburista saħansitra qegħdin jippontaw subgħajhom lejn il-mod li bih qed imexxi l-Prim Ministru Robert Abela, b’nuqqas ta’ azzjoni, bħal fil-kaz ta’ Rosianne Cutajar.
Is-sena l-oħra, Rosianne Cutajar kienet sfurzata tirreżenja mill-partit wara li ġew ippubblikati chats illi wrer ir-relazzjoni intima li kien hemm bejn Cutajar u Fenech. Apparti li kixfu l-kultura ta’ “tħanżir” li hemm fil-qalba tal-Labour.
//= $special ?>