Internazzjonali

Ir-Russja: Lejn rebħa elettorali oħra għal Putin…iżda l-azzjonijiet ta’ protesta huma wkoll sinifikanti

Il-President tar-Russja Vladimir Putin qed iħejji għal aktar snin ta’ tmexxija wara elezzjoni presidenzjali li kienet sempliċi formalità u fejn hu mistenni jikseb l-akbar numru ta’ voti fil-konfront ta’ Oppożizzjoni negliġibbli.

Qatt ma kien hemm dubju li Putin se jirbaħ din l-elezzjoni minħabba li l-kritiċi prominenti tiegħu jew mietu f’ċirkustanzi misterjużi inkella spiċċaw il-ħabs jew eżiljati minn pajjiżhom.

Madankollu – u wara li l-Kremlin, fl-aħħar ġranet, żied il-propaganda biex iwassal il-messaġġ li Putin hu ‘il-mexxej naturali tar-Russi kollha’ —  il-votazzjoni qed tkun karatterizzata minn protesti bla preċedent, b’ħafna Russi jiktbu l-kelma ‘Navalny’ mal-vot biex juru d-disprezz għat-tmexxija f’Moska.

Il-kelma, sintendi, irreferiet għal Alexei Navalny, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-akbar kritiku ta’ Putin li miet ġimgħat ilu waqt li kien miżmum f’ħabs għal sigurtà għolja fis-Siberja.

Minkejja dan, hu inevitabbli li Putin, li għandu 71 sena, se jibda l-ħames mandat ta’ tmexxija li hu rekord għal President Russu.

Madankollu – u waqt li sriebet twal ta’ nies għadhom qed jivvutaw f’Moska u anki ‘il hinn mir-Russja – l-armla ta’ Navalny, Yulia Navalnaya, sejħet biex ir-Russi jorganizzaw dimostrazzjoni kwieta ta’ protesta għall-ħin tan-nofsinar.

Navalnaya attendiet personalment għal protesta kontra l-Kremlin li saret f’Berlin, il-kapitali tal-Ġermanja. Dan meta hi, wara l-mewt ta’ żewġha,  ħalfet biex tkompli bil-ġlieda tiegħu għal ‘Russja ħielsa minn Putin’.

L-ewwel jumejn tal-vot kienu karatterizzata minn għexieren ta’ inċidenti ta’ vandaliżmu fil-postijiet tal-votazzjoni – u bir-riżultat li għexieren ta’ nies spiċċaw arrestati madwar ir-Russja. Hu rappurtat li l-akbar ammont tal-arresti saru f’Moska, Kazan u San Pietruburgu.

Kien hemm diversi każi, fl-aħħar ġranet, fejn il-votanti tefgħu iż-żebgħa ħadra fil-kaxxi tal-voti – b’oħrajn jitilqu l-logħob tan-nar fl-istess postijiet tal-votazzjoni huma u jqabbdu l-eqreb kaxxi.

Min-naħa tagħha, Ella Pamfilova, bħala l-Kap tal-Kummissjoni Elettorali, irreferiet għal dawn id-dimostranti bħala ‘l-għadu tal-poplu’ – fost it-twissija li l-arrestati jistgħu jeħlu massimu ta’ ħames snin ħabs.

Bħalissa, il-konkorrenza tal-votanti madwar ir-Russja hi stabbilita mat-68 fil-mija – dejjem skont l-aġenzija tal-aħbarijiet TASS. Iċ-ċifra hi ftit aktar mit-turnout ta’ 67.5 fil-mija ‘finali’ rappurtata għall-elezzjoni Presidenzjali tal-2018 u li mhix se tissodisfa daqstant lill-Kremlin li jrid vot ta’ approvazzjoni aktar qawwi għal Putin u li, fost oħrajn, jiġġustifika l-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna.