Lokali

“Irridu l-għaqda” – Abela jitkarrab għall-appoġġ

Evidenti l-inkwiet li qed jaffacja l-Prim Ministru Robert Abela, tant li fid-diskors tieghu tal-Ħadd spiċċa kellu jappella ripetutament għall-għaqda – messaġġ ċar biex il-klikkek differenti li hemm fil-Labour iwarrbu d-differenzi.

Robert Abela wassal dan il-messaġġ fl-isfond tal-firda kbira li ħarġet fil-miftuħ bejnu u bejn il-klikka l-antika ta’ Muscat; kif ukoll bejnu u grupp żgħir ta’ persuni fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista li jridu jinfatmu mill-passat. Dan għaliex ma jridux jerġgħu jgħaddu mit-tħarbit li ġabet magħha l-kriżi politika tal-2019.

U filwaqt li Abela qed jitkabbar għall-għaqda, analisti politiċi u edituri ta’ diversi ġurnali qed jgħidu li l-Labour effettivament spiċċa għandu żewġ mexxejja; b’Robert Abela jidher dgħajjef quddiem Joseph Muscat.

Intant, f’dan l-istess d-diskors, Abela għamel referenza għall-iskema stabbilita’ li biha suppost kellhom jorħsu ċertu prodotti essenzjali.

Dan minkejja li ħafna familji qed jinsistu li x-xirja bażika qatt ma raħset, u din kienet biss propoaganda tal-Labour.

Fil-Qawra, Robert Abela għamel ukoll referenza għar-riforma fil-Qorti tal-familja…fejn ammetta li l-aħħar riforma li saret kienet minn Gvern Nazzjonalista fl-2003.

…ammissjoni li f’dawn il-11-il sena, il-Labour ma għamel xejn.

Tema oħra li semma’ Robert Abela fil-Qawra kienet is-saħħa mentali. Hawn, hu sostna li l-Gvern se jiżviluppa dik li sejjaħ “infrastruttura ġdida” – iżda ma qal assulutament xejn li warrab il-pjan għall-bini ta’ sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali.