Sport Waterpolo

Iż-żgħażagħ Maltin jagħlqu l-grupp u l-kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew b’punti massimi

(Ritratt: Timmy Cutugno)

BULGARIJA……………. 10

MALTA…………………… 16

(1-4), (4-5), (3-2), (2-5)

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena għalaq il-grupp ta’ kwalifikazzjoni b’destinazzjoni għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew b’punti massimi. It-tielet rebħa minn tliet logħbiet kontra l-Bulgarija waslet b’mod simili taż-żewġ rebħiet preċedenti. Fi kliem ieħor, it-tim Malti kien superjuri  għall-avversarji u kiseb il-massimu tal-punti minn kull logħba mingħajr wisq diffikultà.

Simili bħaż-żewġ konfronti l-oħra f’dan il-grupp, it-tim Malti fetaħ tajjeb minn kmieni u beda jibni l-vantaġġ fl-ewwel sessjoni. Jake Cachia, Max Zammit, Alec Fenech u Jayden Cutajar kollha skorjaw għal Malta, b’Zvonimir Dobrev kien naqqas id-distakk parzjalment wara t-tielet gowl Malti.

It-tim ta’ Niki Lanzon baqa’ jżomm il-kontroll tal-logħba fit-tieni sessjoni iżda l-Bulgari baqgħu qrib, tant li naqqsu d-distakk għal 7-5 b’żewġ minuti għal tmiem is-sessjoni. Kienu żewġ gowls f’xulxin minn Zak Cutajar Licari u Julian Valletta li kabbru l-vantaġġ għal 9-5 u taw ftit nifs lit-tim Malti qabel il-bidu tat-tielet sessjoni.

Għalkemm ir-rebħa prattikament qatt ma kienet fil-periklu, il-Bulgarija baqgħet tipprova. Sa nofs it-tielet sessjoni, Malta kellha vantaġġ ta’ 11-6 iżda dan id-distakk niżel għal tliet gowls sa tmiem is-sessjoni u ħalla xaqq ta’ tama għall-Bulgari. Iż-żgħażagħ Maltin għalqu definittivament il-logħba f’nofs l-aħħar sessjoni b’gowls ta’ Alec Fenech u Dean Bugeja għal vantaġġ ta’ 14-9 biex minn hemm anki żiedu d-distakk finali.

Malta tilgħab waqt il-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew  bejn l-1 u s-7 ta’ Settembru f’Burgas fil-Bulgarija.

Bulgarija: A. Kamenov, B. Vuchkov, D. Danovsky, Z. Dobrev (2), M. Ivanov (1), P. Pelov, S. Ivanov (3), D. Totev, K. Uzunov, V. Ganchev (3), K. Manasiev (1), N. Marev, P. Yankov

Malta: Z. Dzanovic, L. Mallia, J. Chircop (2), J. Chircop (1), J. Cachia (3), D. Bugeja (1), M. Zammit (1), J. Cutajar (1), E. Mallia (1), K. Borg, A. Fenech (5), Z. Cutajar Licari (1), S. Livori

Referees: Jarkko Virtanen (Finlandja), Maxim Gerasimov (Renju Unit)