Lokali

“Jeħtieġ li s-settur tas-saħħa mentali nieħduh bis-serjetà” – Miriana Calleja Testaferata de Noto

Il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Miriana Calleja Testaferata de Noto, minn naħa tagħha emfasizzat l-importanza ta’ sptar ġdid f’Għawdex, kif ukoll sptar għas-saħħa mentali.

Hi spjegat illi l-helpline tas-saħħa mentali rċeviet aktar minn 10,000 telefonata fl-aħħar sena u nofs, 27 persuna mietu b’suwiċidju fl-2023, 170 persuna daħlu l-emerġenza ta’ Mater Dei minħabba raġunijiet ta’ saħħa mentali. Fejn emfasizzat illi dawn huma kollha raġunijiet għalfejn is-saħħa mentali għandha tkun prijorità għall-pajjiżna, iżda minkejja dan hija fakkret li pajjiżna ilu madwar 11-il sena jistenna sptar mentali ġdid.

Il-kandidata Nazzjonalista tkellmet ukoll fuq iż-żgħażagħ, illi qed jesperjenzaw sfidi li qed jimbuttahom sabiex jitilqu barra minn xtutna. Dan għaliex huma inkwetati fuq is-saħħa, iż-żieda eċċessiva fil-popolazzjoni, nuqqas ta opportunitajiet, il-pagi, l-ambjent u t-traffiku. U għalhekk iħossuhom li ma għandhomx triq oħra għajr li jitilqu minn pajjiżna.

Fid-diskors tagħha hi fakkret ukoll illi l-Gvern ta’ Robert Abela mhux qed jagħti garanzija u ċertezza fuq il-pensjonijiet, u fakkret illi il-Gvern naqas milli jaċċerta li fis-snin li ġejjin il-pensjonijiet se jibqgħqu jingħataw, dan filwaqt li tenniet li wara għaxar snin fil-Gvern, u għalkemm fil-Budget li għaddha sostnew dwar is-sostenibbiltà tal-pensjoni il-Gvern Laburista għadu ma sab l-ebda soluzzjoni għal din l-inċertezza.