Internazzjonali

Spanja: Rabja għal pjan dwar ir-ristoranti li jagħti ‘daqqa ta’ ħarta lit-turiżmu’

Il-gruppi fis-settur tad-divertiment u l-ospitalità kritikaw lill-Gvern Spanjol immexxi mill-Partit Soċjalista wara li dan ħabbar il-ħsieb biex jinforza ġimgħa tax-xogħol ta’ mhux aktar minn 35 siegħa.

Il-miżura  tinvolvi tnaqqis sinifikanti fil-ħinijiet attwali tar-ristoranti u l-kritiċi sostnew li l-impenn tas-Soċjalisti biex jirrifurmaw l-iskeda imur kontra t-tradizzjoni ta’ Spanja li, fi kliemhom,  hi ‘l-għira ta’ kulħadd fis-settur tal-ospitalità’.

Intant, il-Gvern Spanjol qed jaħseb biex ikunu konformi mal-ħinijet tar-ristoranti  fil-kumplament tal-Ewropa. Min-naħa tagħhom, il-kritiċi qalu li l-Ministeru tax-Xogħol f’Madrid irid jibdel is-settur tar-ristoranti fil-pajjiż għal wieħed simili ‘għal tal-Istati Ewropej tal-Lvant  fejn l-istabbilimenti jiftħu biss għal ftit ħinijiet fissi’.

Il-ħwienet tax-xorb u r-ristoranti fi Spanja ta’ spiss jibqgħu miftuħin sa wara s-siegħa ta’ filgħodu u Yolanda Diaz, il-Viċi-Prim Ministru ta’ Spanja li taqdi anki r-rwol ta’ Ministru tax-Xogħol, fissret din is-sitwazzjoni bħala ‘ġennata’ waqt diskors lill-Kungress ta’ Madrid.

Diaz qed tisħaq li sitwazzjoni f’pajjiżha, fejn ir-ristoranti jiftħu wara nofs-il lejl, ‘la hi waħda raġjonevoli u lanqas vjabbli’ fost l-insistenza għal riformi fil-liġijiet għas-settur tal-ospitalità fi Spanja.

Hi, fl-istess ħin, ma taqbilx, assolutament, mas-sidien tar-ristoranti u stabbilimenti oħra li jixtiequ anki jestendu s-sigħat tal-ftuh minn dawk attwali ( fi Spanja)

Min-naħa tagħhom, il-produtturi tax-xorb Spanjoli qed jittamaw li t-tnaqqis fis-sigħat tal-ftuħ għall-istabbilimenti tal-ospitalità ma jħallix impatt sinifikattivament negattiv għad-dħul tagħhom– u li qed tidher bħala probabbiltà kbira fiċ-ċirkustanzi.

Dan għaliex ħafna turisti, inkluż dawk li ġejjin mir-Renju Unit, il-Ġermanja u Stati oħrajn Ewropej, iqisu s-sigħat li jdumu miftuħin ir-ristoranti u l-ħwienet tax-xorb fi Spanja bħala attrazzjoni partikulari u ‘pożittiva’ li hi differenti minn ta’ destinjazzjonijiet turistiċi oħrajn.