Internazzjonali

Vulkan jiżbroffa għar-raba’ darba sa minn Diċembru li għadda fl-Iżlanda

Ritratt: Sky News

Vulkan żbroffa għar-raba’ darba sa minn Diċembru li għadda fl-Iżlanda, fil-penisola ta’ Reykjanes. Fejn il-pulizija ddikjaraw stat ta’ emergenza fi Grindavik.

L-uffiċju meterjoloġiku fl-Iżlanda kkonferma illi l-iżbruffar beda bejn żewġ vulkani fil-viċinanzi ta’ xulxin is-Sibt tard waranofsinhar, hekk kif kien ikkonfermat ukoll li s-Sibt filgħaxija ma kienx hemm iżjed żbruffar. Tant hu hekk li l-ajruport ta’ Keflavik baqa’ miftuħ.

Intant, numru ta’ persuni ġew evakwati mill-madwar fejn saħansitra kien hemm preżenti numru ta’ pulizija u ambulanzi.

Din mhux l-ewwel darba li żbruffa l-vulkan fl-Iżlanda hekk kif lura f’Novembru li għadda ġew evakwati numru ta’ persuni minn Grindavik wara numru ta’ terremoti li rriżulta fi żbruffar fit-18 ta’ Diċembru.

Barra minn hekk, żbruffa għat-tieni darba l-vulkan fl-14 ta’ Jannar fejn saħansitra kkollassaw il-ħitan mibnijin sabiex jipproteġu n-nies mill-materjal li joħroġ mill-vulkan. Fejn mbagħad seħħet oħra fit-8 ta’ Frar fejn sar ħsara kbira fit-toroq u pajpijiet tat-triq.