Futbol Sport

Analiżi u kummenti dwar il-Kampjonat Premier

Ritratt: Joseph Galea

L-OPINJONI

Floriana komplew bil-wirjiet pożittivi tagħhom fejn fid-derby ta’ Malta huma għelbu lir-rivali eterni Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 2-0. Kienet rebħa li biha l-Greens telgħu fl-ewwel post tal-klassifika biex ikomplu jisfidaw b’saħħa għar-rebħ tal-ogħla unur li joffri l-futbol Malti. Wara taqsima mingħajr gowls kienu l-Greens li appena tmien minuti fit-tieni taqsina żblukkaw ir-riżultat b’gowl ta’ Furtado. Player li minkejja li ħafna dehru xettiċi dwar il-kwalitajiet tiegħu qed ikun determinanti għat-tim ta’ Camoranesi. Mill-banda l-oħra minkejja li twaqqfet il-mixja pożittiva tal-Wanderers xorta waħda għadhom f’posizzjoni komda sabiex jiksbu t-tielet post.

Wara r-rebħa ta’ Floriana kontra Sliema W. il-pressjoni kienet kollha fuq Ħamrun Spartans sabiex jiksbu rebħa mil-logħba kontra Marsaxlokk. Imma huma naqsu li jagħmlu dan f’logħba li rat lil Marsaxlokk jiksbu rebħa importanti biex b’hekk telgħu fir-raba post tal-klassifika punt biss fuq Hibernians. Min-naħa l-oħra l-Ispartans baqgħu fit-tieni post, żewġ punti l-bogħod minn Floriana. Fl-ewwel taqsima l-Ispartans ħarġu aggressivi u għal diversi drabi ħolqu okkażjonijiet ta’ skor. Fil-fatt kellu jkun  il-goalkeeper ta’ Marsaxlokk li salva kull tentattiv. Iżda Marsaxlokk kienu aktar diretti u perikolużi fejn wara li ħadu l-vantaġġ fil-bidu tat-tieni taqsima, kienu kapaċi jirreaġixxu għall-gowl tad-draw hekk kif baqgħu jemmnu biex fil-ħin miżjud skurjaw il-gowl tar-rebħa.

Naxxar Lions kisbu rebħa importanti meta fl-ewwel logħba mill-programm ta’ tmiem il-ġimgħa huma għelbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 2-0. Kienu tlett punti prezzjużi għat-tim immexxi minn George Vella li ressquhom aktar viċin is-salvazzjoni. Għal Birkirkara din kienet telfa li kważi temmitilhom it-tama li jispiċċaw fiż-żona Ewropeja. Fil-fatt apparti t-telfa l-Istripes offrew wirja konfuża fejn ftit li xejn kienu kreattivi. Mill-banda l-oħra kienet bla dubju rebħa mistħoqqa għal Naxxar Lions fejn jidher li l-objettiv li huma jsalvaw posthom fil-Kampjonat Premier jinsab viċin aktar minn qatt qabel biex jintleħaq. B’Kara jibqgħu jittmaw li jtemmu l-istaġun bħalma temmewh is-sena li għaddiet. 

Minkejja li lagħbu għal aktar minn tlett kwart tal-partita bi player aktar,  Hibernians sabuha aktar diffiċli milli stennew sabiex għelbu lil Sirens. Kienu tlett punti oħra importanti għall-Pawlisti li jkomplu jittamaw li jiksbu post fl-Ewropa hekk kif qabżu lil Birkirkara wara t-telfa ta’ dawn tal-aħħar kontra Naxxar. Sirens bħalma kienu prattikament għal ħafna drabi dan l-istaġun taw wirja denja. Iżda f’kampjonat domestiku huma l-punti li jgħoddu, biex in-nuqqas tagħhom ikkundanna lit-tim minn San Pawl il-Baħar għaċ-Challenge League. Dan wara ħames staġuni fl-ogħla diviżjoni fejn kienu stabbilixxew posthom mal-kbar.

U jkomplu jikbru l-problemi għal Valletta li f’konfront dirett kontra r-relegation sfaw megħluba minn Santa Lucia bl-iskor ta’ 2-0. Wara li fl-ewwel rawnd il-logħba ta’ bejniethom kienet spiċċat fi draw ta’ 1-1, din id-darba kien it-tim immexxi minn Zinnari li ħareġ fuq in-naħa rebbieħa. Tlett punti li jiswew mitqlu deheb hekk kif it-taqtiegħa kontra r-relegazzjoni tkompli tintensifika. Mument diffiċli u delikat ħafna għall-Beltin fejn naqsu li jirbħu fl-aħħar sitt logħbiet hekk kif kisbu tlett punti biss. Is-Saints fetħu l-iskor f’mument kruċjali, eżatt qabel għalqet l-ewwel taqsima biex issiġillaw ir-rebħa fl-istess parti tat-tieni taqsima. Pass eqreb lejn is-salvazzjoni għal Santa Lucia filwaqt li Valletta jinsabu f’posizzjoni li qatt ma’ immaġinaw li ser ikunu.

Ftit tan-nifs għal Balzan fit-tentattiv tagħhom li jsalvaw posthom fil-Kampjonat Premier dan wara li kif kien mistenni għelbu lit-tim tal-qiegħ Gudja United. Riżultat li fisser il-kundanna matematika għal Gudja United. Tim li ddiżappunta ħafna dan l-istaġun fejn saħansitra għadhom bla ebda rebħa meta fadal biss ħames logħbiet għal tmiem il-kampjonat. Kienet logħba li l-Balzanin iddominaw mill-bidu sal-aħħar biex kisbu dak li riedu. Kienet rebħa psikoloġika wkoll hekk kif l-aħħar ħames logħbiet ser ikunu ħames finali fejn bis-sitwazzjoni tinvolvi numru ta’ timijet żgur li ser tibqa inċertezza kbira sal-aħħar ġurnata. Gudja jridu issa jibdew jitkellmu fuq realta ġdida.

Gzira U. kisbu rebħa meritata kontra Mosta bl-iskor ta’ 2-1, partita li kienet bilanċjata u kumbattuta. Rebħa li lill-Maroons tkompli tbegħdhom miż-żona l-ħamra u titfa’ f’iktar problemi lil Mosta fiż-żona relegazzjoni. Il-Maroons naqsu milli jirbħu fl-aħħar żewġ ħarġiet tagħhom fejn b’hekk kellhom bżonn il-punti massimi minn din il-logħba. Min-naħa l-oħra l-Mostin b’din it-telfa  jinsabu aktar fil-qalba tar-relegazzjoni  fejn dan żgur mhux mument tajjeb għat-tim immexxi minn Joe Grech. Meta fadal ħames logħbiet għal tmiem il-Kampjonat Mosta jridu jibdew iġibu r-riżultati jekk qed jittamaw li s-sena d-dieħla jkunu mal-kbar. Fl-ewwel rawnd Gżira United kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0 biex b’hekk kisbu double fuq Mosta.

INNUTAJNA

LI  Melita u Zabbar SP kisbu l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier. Melita ser ikunu qed jirritornaw mal-kbar wara nuqqas ta’ tnax-il sena filwaqt li t-tim Żabbari ilu nieqes mill-ogħla diviżjoni għoxrin sena. Prosit u Awguri.

LI wara li l-ġimgħa li għaddiet Mtarfa kisbu l-promozzjoni għaċ-Challenge League, din il-ġimgħa kienu Mġarr United li ngħaqdu magħhom billi kisbu l-promozzjoni. Żewġ u timijiet li kienu dominanti fis-sezzjonijiet rispettivi tagħhom matul dan l-istaġun. Prosit u Awguri.

LI  l-applikazzjoni ta’ Victoria Hotspurs sabiex jikkompetu fil-kampjonat tal-futbol Malti mistennija li titressaq quddiem l-Assemblea Ġenerali tal-MFA fix-xhur li ġejjin. Jekk ikun hemm il-konferma huma jibdew mill-Amateur League mill-istaġun li ġej. Intant klabb ieħor Għawdxi li ħa jimxu fuq il-passi tal-Hotspurs huma Nadur Youngsters li iżda għad iridu jistennew it-timbru tal-membri fil-Laqgħa Ġenerali.