Futbol Sport

Chelsea u Manchester United jgħaddu għas-semi finali tal-FA Cup

Fil-FA Cup, ilbieraħ kienu Chelsea u Manchester United li kkwalifikaw għas-semi finali wara li għelbu lil Leicester City u Liverpool rispettivament.

F’partita missielta, il-Blues irnexxielhom jegħlbu lil Leicester City li bħalissa jokkupaw it-tieni post fl-EFL Championship bl-iskor ta’ 4-2.

Kien id-difensur laterali Marc Cucurella li fetaħ l-iskor wara 13-il minuta logħob mill-kontrattakk veloċi ta’ Jackson, bl-Ispanjol jixħet ġewwa b’konklużjoni kalma.

Fis-26 minuta Chelsea tilfu l-opportunita’ li jirdoppjaw l-iskor meta Raheem Sterling falla l-penalty tiegħu, madankollu mumenti qabel tmiem l-ewwel taqsima tkompla l-istaġun impekkabli ta’ Cole Palmer meta sab ix-xibka, din id-darba mill-assist tal-istess Sterling.

Fil-51 minuta Leicester naqqsu l-iskor meta d-difensur ċentrali ta’ Chelsea Axel Disasi qassam fix-xibka tiegħu stess, bil-Foxes jagħmlu l-iskor indaqs 10 minuti wara permezz ta’ konklużjoni mill-isbaħ ta’ Stephy Mavididi.

Il-partita kompliet toffri mumenti intensivi, meta fit-73 minuta Leicester spiċċaw jilagħbu b’10 wara li tkeċċa Callum Doyle.

Tmiem drammatiku għall-aħħar hekk kif Carney Chukwuemeka skorja l-gowl tar-rebħa, b’ Cole Palmer għal darb’oħra fiċ-ċentru tal-azzjoni meta ħoloq l-azzjoni tal-gowl, b’ Noni Madueke jkompli jżid mal-iskor meta kkonkluda b’xutt potenti minn barra l-kaxxa l-ġirja individwali tiegħu.

Intant fil-kwarti finali l-oħra ntlagħbet l-iktar partita mistennija tal-ġimgħa, b’ Manchester United jikkwalifikaw għas-semi finali b’rebħa drammatika għall-aħħar fuq Liverpool, bl-iskor finali jkun 4-3.

Kien l-Iskoċċiż Scott Mctominay li fetaħ l-iskor wara 10 minuti logħob b’xutt mill-viċin, bir-Reds jiskorjaw żewġ gowls f’temp ta’ żewġ minuti biex jidħlu jistrieħu fil-vantaġġ. Kien l-ewwel Alexis Mac Allister li jsib ix-xibka fl-44 minuta, b’ Mohammed Salah jiskorja tieni gowl minuta wara.

Is-sostitut Antony għamel l-impatt tiegħu meta fis-87 minuta kkonkluda tajjeb bil-lemin fir-rokna t’isfel, bil-gowl ifisser li ż-żewġ timijiet ikollhom jilagħbu l-ħin barrani.

Sostitu ieħor Harvey Elliot skorja t-tielet gowl għal Liverpool fl-aħħar sekondi tal-ewwel taqsima tal-ħin barrani b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa.

Marcus Rashford patta għaċ-ċans perikoluż li falla fit-tieni taqsima meta skorja l-gowl tad-draw fil-112 minuta.

Tmiem drammatiku għall-aħħar hekk kif meta kollox kien jidher li l-partita se tmur għall-għoti tal-penalties, kien Amad Diallo li skorja l-gowl tar-rebħa mis-suġġeriment ta’ Garnacho, bil-plejer jitkeċċa ftit sekondi wara hekk kif neħħa l-flokk u akkumula t-tieni karta safra tiegħu.