Futbol Sport

Gżira b’rebħa importanti fil-mixja għas-salvazzjoni

(Ritratt: Joseph Galea)

Andrè Muscat

GŻIRA UNITED………. 2

MOSTA…………………… 1

Gżira United: D. Zarkov, C. Conceicao, A. Borg, Z. Scerri, M. Dias, C. Riascos (G. Bohrer 75’), W. Cameron (Z. Cassar 89’), F. Zuniga, B. Borg, T. Espindola, J. Mendoza

Mosta: D. Ciappara, A. Gustavo, H. Nwoga, L. Tenebe (S. Cachia 75’), G. Sciberras, A. Hovhannisyan (Z. Brincat 66’), A. Doa Ben (K. Tulimieri 59’), W. Britto, N. Agius (D. Aneni 66’), J. Scerri (N. Nnaji 59’), J. Vassallo

Imwissija: C. Riascos 16’ (GU), G. Sciberras 27’ (M), T. Espindola 58’ (GU)

Skorjaw: J. Mendosa 51’ (GU), L. Tenebe 57’ (M), G. Bohrer 77’ (GU)

Referee: Slobodan Petrovic

Assistenti Referees: Duncan Sultana u Paul Apap

BOV Plejer tal-Logħba: Andrew Borg (GU)

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Andrew Borg (GU)

Fil-konfront dirett u mill-aktar ibbilanċjat fit-Tony Bezzina Stadium, kienu Gżira United li ħadu l-massimu tal-punti, b’din ir-rebħa tkun fundamentali għall-ġlieda kontra r-relegazzjoni.

L-ewwel azzjoni tal-partita tasal fid-9 minuta minn Brooklyn Borg meta pprova xutt minn barra l-kaxxa l-kbira bil-ballun jgħaddi ftit barra.

Fl-24 minuta kienu Mosta li wieġbu b’azzjoni personali ta’ Nwoga, li minn nofs il-grawnd seraq il-ballun u avvanza lejn il-kaxxa tal-maroons izda fejn sab lil Zarkov attent li ħareġ minn postu biex jintervjeni u jbiegħed il-periklu.

F’logħba nieqsa mill-ideat u mill-azzjonijiet, biż-żewġ timijiet rispettivi b’ħafna logħob f’nofs il-grawnd kif ukoll ħafna żbalji fil-passaġġi tagħhom mat-tisfira ta’ tmiem l-ewwel taqsima mir-referee Slobodan Petrovic Gżira United u Mosta daħlu jistrieħu f’parita ta’ 0-0.

Mosta jipprovaw jiftħu l-iskor fil-50 minuta,meta minn kontrattakk ta’ Armen Hovhannisyan, il-Kroat Zarkov kien attent biex jilqa’ it-tentattiv tal-attakkant.

Fil-51 minuta l-Maroons iwieġbu u jiftħu l-iskor, meta l-Kolombjan tagħhom Jackson Mendosa jfajjar xutt fil-baxx mid-distanza bil-ballun jispiċċa fir-rokna tax-xbika.

Freekick mill-isbaħ ta’ Tenebe fis-57 minuta jispiċċa wara l-Kroat Zarkov biex b’hekk il-Mostin ġabu draw.

Gżira United jerġaw jiksbu l-gowl tal-vantaġġ fis-77 minuta, meta corner mill-lemin ta’ Thiago Espindola jsib lil Bohrer, li wara biss żewġ minuti fil-grawnd jogħla fuq kulħadd biex bir-ras tefa’ l-ballun fix-xibka wara Dylan Ciappara.

Fil-85 minuta l-Maroons viċin li jerġaw jiskurjaw meta xutt mill-isbaħ bid-dawra ta’ Spence jara’ t-tentattiv tiegħu jistampa mal-wieqfa.

Mosta viċin li jerġaw jippareġjaw, meta fit-88 minuta freekick mix-xellug ta’ Tulimieri issib lil Aneni jogħla bir-ras bit-tentattiv tiegħu ikun imdawar f’corner b’diffikulta minn Zarkov.

Sa tisfira finali ta’ Petrovic l-Maroons baqgħu jikkontrollaw il-logħba, biex ħarġu mill-grawnd bil-massimu tal-punti u telaw fis-seba’ post bit-28 punt, filwaqt li Mosta baqgħu fiż-żona relegazzjoni bit-23 punt.