Lokali

Id-dħul mill-bolla rdoppja iżda il-Gvern jonqos milli jagħti assiguazzjoni għall-pensjonijiet – PN

Minkejja li kien hemm żieda ta’ dħul mill-bolla, fejn f’10 snin dan irdoppja, il-Gvern qed jonqos milli jagħti assigurazzjoni fil-pensjonijiet ta’ għada u pitgħada. 

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonjiet u l-Ġlieda kontra l-Faqar Ivan Bartolo, ix-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali Albert Buttigieg u x-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Stephen Spiteri fejn ingħatat ħarsa lejn in-nuqqas ta’ assigurazzjoni ta’ Michael Falzon fil-konfront tal-pensjonijiet, u kif dan kollu jkompli jitfa’ dell ikrah fuq kemm il-Gvern Laburista hu bla pjan għall-futur ta’ pajjiżna.

Dak li qal il-Ministru Michael Falzon fl-aħħar jiem, fejn ma tax assigurazzjoni fil-pensjonijiet tas-snin li ġejjin, li l-anzjani ta’ dak iż-żmien mhux se jkollhom pensjoni minħabba nuqqas ta’ dħul ta’ bolli mħallsa, joħroġ ċar kemm il-Gvern Laburista, wara li pprova jiġġustifika ż-żieda tal-popoluzzjoni f’pajjiżna billi qal li grazzi għal dawn il-ħaddiema kollha se jkun hemm garanzija fil-pensjonijiet, issa joħroġ ċar kemm kollox kien kastelli fl-arja, gidba u bla pjan.

Joseph Muscat kien qal, u anke issa Robert Abela, li l-pensjonijiet huma garantiti grazzi għall-preżenza ta’ dawn il-persuni f’pajjiżna. Għal darb’oħra, il-Partit Laburista jinqabad jigbed mal-poplu.

Li kieku ma jkunx hemm min jitħanżer bl-eluf, li kieku ma ttieħdux l-€400 miljun minn ħalqna fl-iskandlu tal-isptarijiet, li kieku €3.8 miljun ma ntefqux fil-Film Festival fejn preżentatur tħallas €150,000 għal sagħtejn u jekk il-Gvern jieqaf iberbaq flus il-poplu, il-fond tal-pensjonijiet hu aħjar. Iżda jidher ċar li l-prijoritajiet tal-Gvern huma ħżiena għall-poplu u tajbin biss biex jaġevola lil tal-qalba.

Matul il-konferenza sar elenku wkoll għal kif is-saħħa trid tingħata prijorità għaliex l-anzjani qed jispiċċaw jesperjenzaw problemi kbar tant li jkollhom jistennew xhur jew snin għal xi operazzjoni. Dan kollu jwassal għal problema ta’ mobbiltà wara li kkontribew fl-ekonomiji passati ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjoanlista se jkompli l-ħidma tiegħu favur l-anzjani tagħna, ta’ issa u ta’ għada. Mal-Partit Nazzjonalista, mbux biss il-pensjonijiet huma garantiti, iżda anke l-benesseri tal-familji Maltin u Għawdxin kollha.