Internazzjonali

Il-Gwerra f’Gaza: Iżrael jippersisti b’attakk fuq sptar imsemmi bħala ‘bejta tal-Hamas’

Il-kelliema għall-Armata Iżraeljana qalu li huma fi dmir li jeqirdu l-bażijiet terroristiċi tal-Ħamas irrispettivament minfejn jinsabu – u meta huma mhumiex lesti jagħmlu xi apoloġija għar-riżultati ta’ konflitt li ‘jistgħu jbiegħdu t-theddida tat-terroriżmu mill-artijiet ta’ Iżrael’.

L-Iżraeljani – li ilhom minn Ottubru jiġġieldu gwerra kontra l-Ħamas fl-artijiet ta’ Gaza — qalu kemm-il darba li t-terroristi qegħdin jużaw l-isptarijiet, l-iskejjel u kumplessi ċivili oħra biex jattakkaw lill-militar li qed jippruvaw jeqirdu ‘il-bejtiet tal-ġellieda Palestinjani’.

Madankollu ma naqsitx il-kundanna mingħand li-Palestinjani u l-komunità internazzjonali wara li l-Armata Iżraeljana, fl-aħħar sigħat, wettqet rejd kbir fuq l-isptar ta’ al-Shifa fil-belt ta’ Gaza. Dan waqt li l-Ministeru tas-Saħħa fl-artijiet ta’ Gaza mmexxija mill-Ħamas akkuża lill-Iżraeljani dwar reati tal-gwerra.

Il-kapijiet militari Iżraeljani qed jinsistu li l-isptar inkwistjoni kien u għadu qed tintuża mill-Ħamas bħala ‘ċentru għall-ippjanar tal-istrateġiji terroristiċi’ – bl-Armata kemm-il darba twissi lir-residenti ċivili Palestinjani fil-madwar biex joħorġu mill-inħawi.

L-attakki fuq dan l-isptar u kumplessi oħrajn suspettati bħala moħbiet tal-Ħamas mistennija jkomplu – u fost rapporti li mijiet ta’ refuġjati Palestinjani kienu sabu l-kenn fl-isptar ta’ al-Shifa li hu wkoll iffullat bil-pazjenti.

Ir-rapporti komplew li l-qawwiet Iżraeljani, fl-aħħar sigħat,  ħatfu l-kontroll tal-isptar u li s-suldati kienu qed imexxu lill-pazjenti u r-refuġjati lejn ‘zona riservata għall-ħidma umanitarja’.

Filwaqt li l-Iżraeljani kienu qed ikomplu bl-offensiva fuq il-Ħamas, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) esprimiet l-inkwiet kbir tagħha dwar ‘dak li qed iseħħ fl-isptar ta’ al-Shifa’.

Id-Direttur-Ġenerali tad-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, f’messaġġ fuq il-media soċjali, qal li s-sitwazzjoni fl-isptar saret ‘intollerabbli’ u li ċ-ċirkustanzi qed jippreżentaw periklu kbir għall-ħajja tal-pazjenti u l-ħaddiema tas-saħħa kif ukoll għaċ-ċivili oħrajn fl-inħawi’.

Hu kompla li l-isptar kien ilu ftit jiem biss li rristawra l-minimu tas-servizzi tas-saħħa u li kwalunkwe ostilitajiet fil-kumpless se jipperikolaw lil dawn is-servizzi – u mhux l-anqas, it-trasport tal-provvisti mediċi mill-inħawi li jistgħu jagħmlu  d-differenza bejn ħajja u mewt. Ghebreyesus temm l-istqarrija bil-kumment li ‘l-isptarijiet iridu jkunu protetti dejjem u bl-ebda mod ma jistgħu jispiċċaw mibdula f’kampijiet tal-battalja’.

Min-naħa tagħhom, l-Iżraeljani qed jiġġustifikaw il-firxa tal-gwerra lejn  iz-zoni ċivili ta’ Gaza bħala ‘pass neċessarju li għandu jqarreb it-tmiem tal-gwerra’. U l-militar, ilbieraħ, kien qed jiċċelebra suċċess ieħor, fost rapporti li Faig al-Mabhouh, il-Kap tas-Sigurtà Interna tal-Ħamas, kien spiċċa maqtul mis-suldati li daħlu fl-isptar ta’ al-Shifa. Ingħad ukoll li nqatlu talanqas 20 terrorista ieħor waqt il-ġlied fl-isptar.

Ir-rapporti qalu li dan il-Kap tal-Ħamas tilef ħajtu wara li fetaħ in-nar fuq it-truppi Iżraeljani u li l-preżenza tiegħu hemmhekk tindika li l-isptar jista’ qed iservi bħala kwartieri-ġenerali għat-terroristi. Fil-fatt, is-suldati anki elevaw kwantità kbira ta’ armi u munizzjon mill-istess sezzjoni tal-kumpless fejn kien seħħ il-konfront mal-Kap militanti.