Lokali

Il-musical ikoniku Cabaret se jittella’ fit-Teatru Manoel bi spettaklu viżwali

Il-musical ikoniku Cabaret se jittella’ fuq il-palk tat-Teatru Manoel f’Mejju li ġej, bi produzzjoni mill-aqwa u għadd ta’ spettakli mill-isbaħ minn artisti rinomati, akkumpanjati minn orkestra live ta’ 16-il mużiċist.

B’direzzjoni u koreografija ta’ Lucienne Camilleri u direzzjoni mużikali ta’ Ryan Paul Abela, it-Teatru Manoel se jippreżenta dan il-musical.

Miktub fis-sittinijiet, Cabaret jesplora l-ħajja f’Berlin qabel il-gwerra. Dan iseħħ fi żmien meta l-era tal-jazz bdiet tmajna waqt li kienet qed tiżdied il-popolarità tan-Nazi. Sean Borg se jkun qed jinterpreta l-karattru ta’ Emcee filwaqt li Maxine Aquilina se tinterptreta l-karattru ta’ Sally Bowles, żewġ irwoli li kienu għamluhom Joel Grey u l-leġġenda ta’ Hollywood Liza Minelli fl-adattazzjoni tal-musical fil-film tal-1972.

Artisti oħra li se jieħdu sehem jinkludu Isabel Warrington bħala Fraulein Schneider, Stephen Oliver bħala Herr Schultz u Jason Scerri bħala Clifford Bradshaw. Se jingħaqdu magħhom ensemble ta’ 11-il artist, akkumpanjati minn orkestra ta’ 16-il mużiċist. Il-kostumi se jkunu ddisinjati minn Stefania Grech Vella waqt li s-sett se jkun f’idejn id-Direttur Artistiku tat-Teatru Manoel, Adrian Mamo.

Cabaret jiffoka fuq il-ħajja xxellerata fis-satra tal-lejl fil-Kit Kat Club, li ma tantx kellu xi fama tajba, fejn Sally Bowles hija artista residenti. Iż-żmien ikrah ta’ qabel faqqgħet il-gwerra f’Berlin, jitwaħħad mad-dinja affaxxinanti tal-live cabaret. Dan il-musical tassew iservi ta’ aljenazzjoni mir-realtà kemm għall-artisti fuq il-palk u anke għall-udjenza. Jieħu ħsieb dak kollu li jseħħ fil-Kit Kat Club hemm Emcee, u l-klabb innifsu jservi ta’ metafora tal-iżviluppi politiċi f’dik li kienet Weimar fil-Ġermanja.

Cabaret se jittella’ bejn l-10 u d-19 ta’ Mejju fit-Teatru Manoel għal udjenza minn tnax-il sena ’l fuq.

Għal iktar informazzjoni żur https://teatrumanoel.mt/event/cabaret.