Ekonomija Lokali

Il-piż tal-għoli tal-ħajja f’Malta jibqa’ akbar minn dak li qed jesperjenzaw pajjiżi fiz-Zona Ewro

Ċifri maħruġa llum mill-Eurostat jikkonfermaw li l-Gvern ma kienx kapaċi jindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja u ż-żieda fil-prezzijiet. Dan hekk kif f’pajjiżna, ir-rata tal-inflazzjoni baqgħet ogħla mill-medja taz-Zona Ewro u anke mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm il-Ministru tal-Ekonomija ħareġ jiftaħar li l-prezzijiet raħsu

Fil-Qawra, Robert Abela ftaħar li irnexxielu jikkontrolla l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali. Iżda l-fatti jgiddbu dak li qal il-Prim Ministru – għaliex fil-verità, il-prezzijiet f’pajjiżna għadhom ferm ogħla minn dawk fil-maġġoranza taz-Zona Ewro.

L-istatistika turi li l-inflazzjoni bħalissa tinsab fil-livell ta’ 3%. Fiz-Zona Ewro, ir-rata hi ta’ 2.6 fil-mija.

Mistoqsi minn Net News dwar din ir-realtà, il-Ministru Silvio Schembri baqa’ jgħid li kien hemm roħs fil-prezzijiet tal-ikel. U kwota l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet, magħruf bħala HICP.

Waqt li baqa’ jimplika li l-ħajja raħset, Silvio Schembri xorta spiċċa jaqbel magħna li l-piż tal-prezzijiet tal-ikel qed iżommu l-inflazzjoni ogħla mill-medja Ewropea.

L-istess ċifri juru li pajjiżi bħall-Italja, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Portugall, l-Olanda, l-Iżvezja u l-Ġermanja – kollha għandhom rata tal-għoli tal-ħajja inqas minn Malta. Anke pajjiżi oħra bħal-Latvija, il-Litwanja, u r-Repubblika Ċeka għandhom prezzijiet orħos minn pajjiżna. Dan filwaqt li anke kompetituri diretti għas-settur turistiku – bħal Ċipru – qed irażżnu l-għoli tal-ħajja ferm aħjar mill-istrateġija li adotta l-Gvern ta’ Robert Abela.

Intant, l-NSO wera kif fi Frar tal-2024, l-akbar impatt fuq l-inflazzjoni annwali ġie mill-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+1.22 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-ħalib. It-tieni u t-tielet l-akbar impatti fuq l-għoli tal-ħajja ġew innotati fl-Indiċi tar-Ristoranti u lukandi (+0.61 punti perċentwali) u fl-Indiċi tal-Akkomodazzjoni, ilma, elettriku, gass u tipi taʼ karburanti oħra (+0.41 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla fis-servizzi tar-ristoranti u anke fil-kirjiet.