Lokali

Il-YMCA tirreġistra rekord ta’ persuni li qed jorqdu fit-toroq Maltin

L-għaqda mhux governattiva, il-YMCA qed tirreġistra rekord ta’ persuni li qed javviċinawha għall-għajnuna hekk kif spiċċaw bla saqaf fuq rashom tant li qed jorqdu barra.

Fl-aħħar 9 xhur mindu fetħu l-bibien tagħhom fil-Ħamrun, social workers tal-YMCA ltaqgħu ma’ 58 persuna bla saqaf fuq rashom sabiex jgħinuhom jerġgħu lura fuq saqajhom.

Il-YMCA toffri sodod sabiex wieħed iqatta’ l-lejl ‘il bogħod mill-periklu li jista’ jkun hemm bil-lejl fit-toroq f’żewġ faċilitajiet tagħha filwaqt li fil-faċilità tal-Ħamrun toffri post fejn dawk bla saqaf fuq rashom jistgħu jpoġġu l-affarijiet tagħhom f’locker, jaħslu l-ħwejjeġ, inaqqru xi ħaġa żgħira u jingħataw servizz ta’ social worker.

Bejn l-2020 u l-2022, il-YMCA tgħat l-għajnuna tagħha lil total ta’ 107 persuna. M’hemmx numru ċar ta’ kemm hawn nies jgħixu barra hekk kif uħud ma jafux bis-servizzi offruti hemm barra filwaqt li oħrajn ma jħossuhomx komdi li jfittxu l-għajnuna.

Il-YMCA ma tarax biss adulti bla saqaf fuq rashom iżda saħansitra tfal u trabi li tipprova tgħinhom bid-donazzjonijiet li tirċievi mill-pubbliku.

Il-fatt li wieħed ma jkollux residenza permanenti ma toħloqx biss problemi ta’ faqar iżda wieħed saħansitra ma jkunx jista’ japplika għall-karta ta’ identità, card tal-linja, jew għall-benefiċċji soċjali u l-housing, u lanqas ikollu kont il-bank. Affarijiet li huma bażiċi iżda wieħed jintalab li jkollu indirizz fiss. U jekk wieħed jirnexxilu jsib post f’xelter, kapaċi jispiċċa bla saqaf fuq rasu mill-ġdid la darba jgħalaq 60 sena hekk kif ikun intitolat li japplika biex imur f’dar tal-anzjani; liema lista hi twila ferm.

Il-YMCA nnotat kif ħafna drabi tal-każijiet li wieħed jispiċċa bla saqaf fuq rashom mhumiex każijiet li ġabu b’idejhom iżda jkunu każijiet fejn persuna taħrab minn sitwazzjoni ta’ vjolenzja domestika, titlef xogħolha, tispiċċa ssofri minn xi mard, jew saħansitra tissepara minn ma’ persuna.

Sitwazzjoni ċara u xejn sabiħa li qed narawha tiġri quddiem għajnejna u li ħafna qed isofru kaġun ta’ dan. Iżda minflok isib soluzzjoni, Robert Abela jibqa’ jipprova jserraħ ras in-nies li l-għoli tal-ħajja mhix ta’ inkwiet għal ħadd. Bil-fatti li qed igiddbuh kontinwament u jibqa’ jinjora l-karba tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Prim Ministru għadu jiftaħar li l-Gvern offra stabbiltà quddiem ir-realtajiet internazzjonali iżda ħafna mhumiex jarawha din is-suppost stabbiltà tant li xahar wara l-ieħor jaraw kif se jirnexxilhom ilaħħqu sal-paga li jmiss. Bi stħarriġ li sar riċenti juri kif 60% tal-Maltin jemmnu li pajjiżna qed jitmexxa fit-triq il-ħażina, b’mod speċjali fejn jidħlu l-piż tal-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja.