Internazzjonali

Ir-Russja: Il-Punent jikkundanna r-rebħa elettorali ta’ Putin bħala waħda li ‘ma tirriflettix tassew ir-rieda tal-poplu’

L-elezzjoni tal-aħħar jiem għall-Presidenza tar-Russja setgħet tintrebaħ minn bniedem wieħed biss….Il-President Vladimir Putin, li qed jinawgura mandat ieħor ta’ tmexxija bil-wiegħda li jkompli bil-gwerra fl-Ukrajna – u fost l-għajta li ‘id-demokrazija fir-Russja hi aktar leġittima mill-versjoni li teżisti fl-Istati Uniti u l-Istati tal-Punent’.

L-elezzjoni fir-Russja, li konkludiet fil-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn, ibbażat fuq tlett ijiem ta’ votazzjoni  u fejn Putin aċċerta mill-ħames mandat konsekuttiv ta’ tmexxija b’87 fil-mija tal-vot popolari – dejjem skont l-exit polls provduti minn Moska.

Fil-verità, Putin kien qed itellaq waħdu f’din l-elezzjoni u fejn ma kellu l-ebda Oppożizzjoni kredibbli ….Sitwazzjoni li wasslet biex l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi l-oħra tal-Punent ifissru l-proċess bħala ‘wieħed finta li ma jirriflettix tassew kif jaħsbuha r-Russi dwar Putin.’

Kummenti oħra minn dawn il-pajjiżi u l-osservaturi indipendenti kienu aktar skjetti, fost ir-referenzi li ‘Putin rebaħ elezzjoni farsa mibnija fuq il-qerq u l-intimidazzjoni tal-poplu’.

Il-Kremlin ta’ Moska jikkontrolla mija-fil-mija l-proċessi tal-elezzjonijiet fir-Russja – l-istess bħas-sistema politika u l-media nazzjonali ta’ dan il-pajjiż.

U l-kritika minn barra r-Russja, wara l-elezzjoni, ma naqsitx, bil-Ġermanja tirreferi għal ‘elezzjoni li ma kienet elezzjoni xejn’ u bl-Istati Uniti tisħaq li l-vot għal Putin ‘la kien wieħed xieraq u wisq anqas ħieles’.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, ħareġ stqarrija tipika fis-sens li ‘Putin siker bil-poter waqt li qed jagħmel minn kollox biex ikompli jmexxi pajjiżu għal dejjem’.

Dan wara li l-votazzjoni għall-Presidenza tar-Russja saret ukoll fir-reġjuni okkupati tal-Ukrajna – f’dan il-każ Zaporizhzhia, Kherson, Donetsk, Luhansk u l-Krimea.Iċ-ċifri dwar il-konkorrenza tal-votanti ngħataw wara li kienu kalkulati l-voti mitfugħin fir-Russja u f’dawk iz-zona okkupati mill-militar tal-Kremlin.

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe oppożizzjoni valida għal Putin, il-Kremlin qed jipprova jippreżenta l-konkorrenza – jew turnout —  bħala wieħed rekord li jirrifletti l-appoġġ ‘kważi unanimu’ tar-Russi għall-President…Vot li, fi kliem il-Kremlin, qed jappoġġja wkoll il-gwerra li ilha għaddejja fl-Ukrajna mindu l-ewwel tankijiet tal-Kremlin kienu qasmu lejn l-artijiet Ukreni fi Frar tal-2022.

Sadanittant, l-esperti indipendenti jemmnu li l-istatistika minn Moska li hi relatata mal-elezzjoni presidenzjali qed tkun ‘eżaġerata u manipulata’ biex tirrifletti n-narrativa tal-Kremlin…Sitwazzjoni li tfisser li Vladimir Putin, illum, qed jippreżenta ruħu bħala Mexxej li rnexxielu jikseb l-akbar vot personali – u fuq bażi nazzjonali – mindu hu kien elett President tar-Russja għall-ewwel darba, fl-2000.

Fil-preżent, eluf ta’ Russi qed joħonqu l-Pjazza l-Ħamra ta’ Moska għal rally biex ifakkar l-għaxar anniversarju mill-ħtif tal-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Putin.