Lokali

Jikkonferma li l-Gvern falla fid-deal tal-isptarijiet; se jkollna nistennew ix-xhur biex jibda x-xogħol

Wara snin ta’ telqa u abbandun – fl-istess waqt li konna qed nippumpjaw il-miljuni għad-deal frawdolenti tat-tliet sptarijiet – issa l-poplu Malti se jkollu jistenna mill-inqas xahrejn oħra biex inkunu nafu x’inhu l-pjan tal-Gvern ta’ Robert Abela għal dawn l-istess sptarijiet. U mill-inqas disa’ xhur oħra biex naraw il-bidu tas-suppost xogħlijiet fuq l-Isptar San Luqa.

Dan ġie konfermat mill-Ministru tas-Saħħa, JoEtienne Abela f’intervista li saritlu mit-Times meta ġie mistoqsi dwar id-deal ma’ Vitals u Steward u l-fatt li l-isptarijiet jinsabu f’abbandun totali. Bil-Ministru jikkonferma li l-Gvern żbalja meta ħalla t-tmexxija ta’ dawn l-isptarijiet f’idejn il-barranin.

“Jien m’għandi l-ebda problema li ngħid li l-għan tal-Gvern ta’ dakinhar li jwassal servizzi ta’ dawn l-isptarijiet, li ma twassalx,” qal Abela.

JoEtienne Abela wera b’mod car li l-pjan tal-Gvern għall-Isptar San Luqa għadu biss fuq il-karta; u m’hemm xejn konkret.

“Il-master plan għall-Isptar [San Luqa], ħa nerġa’ ngħid, f’Mejju ħa nkun nista’ ngħati d-dettalji,” qal Abela. “Sal-aħħar tas-sena jien nispera, iva, li jekk ma nsibux intoppi bit-tenders inkunu nistgħu nibdew.”

Mistoqsi wkoll dwar il-possibbiltà tar-ritorn ta’ Joseph Muscat bħala kandidat Laburista, l-istess persuna li taħt it-tmexxija tiegħu sar id-deal frawdolenti mal-Vitals, JoEtienne Abela qal li hu ma jara xejn ħażin li Muscat jikkontesta.

“Ġurnalist: Taqbel li JM joħroġ għal MEP?
JoEtienne Abela: Dik hi l-ewwel nett deċiżjoni tiegħu…
Ġurnalist: Qed insaqsik taqbilx, mhux tgħidlu x’jagħmel.
JoEtienne Abela: Ifhimni jiena Joseph ħabib tiegħi, qatt ma tkellimna fuqha. Jekk irid jikkandida ruħu, jien min jien biex inżommu?”