Internazzjonali

Kuba: Protesti rari waqt kriżi tad-dawl u tal-ikel

Mijiet ta’ nies f’Santiago, it-tieni l-akbar belt ta’ Kuba, ħarġu jipprotestaw fit-toroq minħabba l-‘blackouts’ tad-dawl u fejn saru wkoll dimostrazzjonijiet dwar in-nuqqas tal-ikel fil-pajjiż komunista.

Dimostrazzjonijiet pubbliċi bħal dan huma rari f’Kuba, iżda din il-gżira-Stat fil-Karibew, bħalissa, qed tiffaċċja l-akbar kriżi umana fi kważi 30 sena. Sitwazzjoni li qed issir aktar impossibbli peress li d-dawl għal partijiet kbar ta’ Kuba qed jinqata’ għal aktar minn 14-il siegħa kuljum.

Filwaqt li t-Tmexxija komunista f’Ħavana qed twaħħal fis-sanzjonijiet imposti fuq pajjiżha mill-Istati Uniti, il-kritiċi fil-pajjiż insistew li ‘il-Kubani jinsabu f’din is-sitwazzjoni disprata b’kaġun ta’ management ħażin min-naħa tal-Gvern.’

L-Istati Uniti ilha mill-1960 timponi embargo ekonomiku fil-konfront ta’ Kuba – bid-direttiva tiffissa r-regoli stretti għall-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi.

L-ekomomija f’Kuba, fejn jgħixu mal-11-il miljuni, ilha l-aħħar snin fi kriżi u meta l-pandemija tal-cornoavirus kompliet iżżid il-problemi għal pajjiż nieqes mill-fondi u li llum qed ibati wkoll min-nuqqas akut ta’ ikel, fuel u mediċini.