Lokali

Pazjenti jintbagħtu d-dar hekk kif inqata’ d-dawl

Pazjenti li kienu fil-klinika ta’ Birkirkara ntbagħtu lura d-dar qabel biss it-tabib laħaq rahom hekk kif għall-ħabta tas-6pm inqata’ d-dawl f’diversi lokalitajiet f’Malta.

Persuni li tkellmu ma’ Net News qalu kif il-mument li nqata’ d-dawl, il-klinika spiċċat f’ċappa dlam minħabba li jidher li fil-post m’hemmx generator. Jidher li lanqas biss hemm dwal ta’ emerġenza f’każ li l-post jispiċċa bla dawl, bħalma ġara.

Minħabba din ir-raġuni, l-infermiera u t-tobba ma kellhomx għażla oħra għajr li jibgħatu lil kulħadd ‘il barra mill-klinika minħabba li ma setgħux jaraw lill-pazjenti.

Net News jinsab infurmat li mill-inqas erba’ zoni sofru minn dan il-qtugħ ta’ dawl fl-istess ħin. Dan apparti li dan il-qtugħ mhux l-ewwel tat-tip tiegħu hekk kif anke l-bieraħ, uħud miz-zoni spiċċaw f’ċappa dlam.