Lokali Parlament

Robert Abela kiser il-Kodiċi ta’ Etika dwar użu ta’ fondi pubbliċi għal riklam dwaru

Il-Prim Ministru Robert Abela instab li kien kiser il-Kodiċi ta’ Etika għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fuq riklam li sar mill-Gvern dwaru fuq Facebook. Dan il-każ kien investigat mill-Kummissarju għall-Istandards Joseph Azzopardi li sab il-ħtija fil-konfront tal-Prim Ministru, li min-naħa tiegħu rrifjuat li jagħmel apoloġija.

Il-każ kien trattat llum fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li qabel unanimament li r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards ikun pubblikat. F’laqgħa oħra issa l-Kumitat irid jiddeċiedi jekk għandhomx jittieħdu passi fi-konfront tal-Prim Ministru. F’dan il-kumitat, il-gvern kien rappreżentat mill-ministri Jonathan Attard u Andy Ellul waqt li l-Oppożizzjoni kienet rappreżentata mid-deputati Nazzjonalista Mark Anthony Sammut u Ryan Callus.

Il-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li r-riklam/video in kwistjoni – li kien ukoll sponsorjat biex jarawh iktar nies – kien każ ta’ użu skorrett ta’ fondi pubbliċi u kien intenzjonat biex isir riklam lill-Prim Ministru aktar milli kien riklam li jxandar informazzjoni li kienet ta’ natura pubblika

Ir-regoli dwar l-etika fil-ħajja pubblika jistabilixxu li l-ministri jistgħu jużaw fondi pubbliċi biex jagħtu informazzjoni pubblika iżda ma jistgħux jużaw fondi pubbliċi biex jirreklamaw lilhom innfushom.
Jirriżulta li l-video sewa €700 li minnhom kien hemm €100 li intefqu biex dan il-video jasal għand iktar nies fil-media soċjali.

Il-Kummissarju għall-Istandards qal li dan kien nuqqas minuri u għalhekk ktieb lill-Prim Ministru biex issir apoloġija u l-każ jingħalaq. F’Diċembru 2023 il-Kummissarju għall-Istandards kiteb lill-Prim Ministru biex issir din l-apoloġija iżda l-Prim Ministru ma kienx lest jitlob skuża għaliex sostna li d-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq kienu inkisru minħabba li ma kienx ingħatax l-opportunità li jressaq l-evidenza tiegħu.
Dan mhux l-ewwel każ li fih ministri tal-gvern Laburista instabu ħatja li kisru l-Kodiċi ta’ Etrika tal-Mnistri tant li meta s-sena li għaddiet il-Ministru Caruana nstab ħati li kien kiser il-Kodi ta’ Etika fuq riklam li sewa €99 fuq Facebook, il-Ministru Caruana kien talab apoloġija u rrifonda d-€99.
Il-video tal-Prim Ministru kien jitratta żjarat li l-Prim Ministru għamel f’numru ta’ proġetti f’Għawdex. Fih il-Prim Ministru jidher qed jiltaqa’ man-nies f’Għawdex.
Il-Kummissarju għall-Istandards qal li l-video jiffoka l-ħin kollu fuq il-Prim Ministru u l-laqgħat man-nies u jagħti ebda dettallji dwar il-proġetti li suppost kien qed jitkellem dwarhom.
Il-Prim Ministru wieġeb lill-Kummissarju għall-Istandards u qal li dan il-każ kien wieħed frivolu u li l-video kien jiffoka fuqu bħala Prim Ministru waqt żjarat li għamel fi proġetti ta’ importanza nazzjonali. Hu qal ukoll li tant kienet żjara importanti li tiffoka fuq il-proġetti. Il-Prim Ministru sostna li wkoll l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards m’għandu qatt jintuża biex jipparalizza x-xogħol tal-gvern u jżommu milli jinforma lill-poplu b’dak li jkun qed jagħmel.
Fid-difiża tiegħu l-Prim Ministru pprżenta wkoll videos mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Ingliż u tal-Kanċillier Ġermaniż biex juri li din hi prattika wżata f’pajjiżi oħra.

Ir-raġunijiet tal-Prim Ministru ma ntlaqgħux mill-Kummissarju għall-Istandards li qal li l-video kien jiffoka fuq il-Prim Ministru u li l-video ma tax informazzjoni dwar il-proġetti tal-gvern, tant li lanqas fih kummentarju. Il-Kummissarju għall-Istandarss qal li l-video kien intenzjonat biss bħala riklam personali għall-Prim Ministru.
Fir-rapport tiegħu l-Kummissrju għall-Istandards qal li l-gvernijiet demokratċi għandhom dmir li jipprovdu l-informazzjoni iżda dan ma jiġġustifikax li jipproduċu riklami tal-gvern; dan żgur li mhux ġustifikat. Hu qal ukoll li meta l-ministri jidhru f’dawn ir-riklami, jkun qed jintbagħat messaġġ li huma qed jipprovaw jieħdu vantaġġ politiku meta jidhru fil-pubbliku bħala l-persuni li għandhom jieħu l-kreditu għax-xogħol tal-gvern.
Il-Kummissarju għall-Istandards ma laqax l-argumenti tal-Prim Ministru dwar x’jiġri f’pajjiżi barranin u qal li dan il-każ kien wieħed ta’ infieq mhux ġustifikat u li fih kien hemm nuqqas ta’ spearazzjoni bejn ir-rwol tal-Prim Ministru u n-nuqqas ta’ rispett lejn l-imparzjalità fis-servizz pubbliku.

Il-Prim Ministru qal li ma kienx ra l-video qabel sar l-ilment minn Arnold Cassola u li r-responsabbiltà ta’ xi nuqqas kienet tal-produtturi tal-video li ngħataw kopja tal-linji gwida u għalhekk kien mistenni minnhom li jimxu magħhom.
Il-Kummissarju għall-Istandards sostna li minkejja li l-Prim Ministru ma kienx direttamet involut fil-produzzjoni tal-video, ir-responsabbiltà kienet tiegħu.