Lokali Qorti

Tewmin akkużati li heddew lill-ġenituri tagħhom biex jagħtuhom il-flus għad-droga

Żewġ aħwa ta’ 39 sena minn Ħal Qormi nżammu taħt arrest preventiv it-Tnejn wara li ġew akkużati li heddew lill-ġenituri tagħhom u li se jjissru d-dar tagħhom meta ġew miċħuda flus biex isostnu l-vizzju tagħhom tad-droga.

L-Ispettur Christian Cauchi ressaq lill-aħwa tewmin quddiem il-maġistrat Lara Lanfranco, fejn akkużahom li użaw vjolenza, inkluża vjolenza morali biex iġiegħel lill-ġenituri tagħhom jagħtuhom il-flus. Wieħed mill-aħwa kien mixli wkoll li għamel dan billi uża arma tan-nar.

Il-koppja ġew akkużati wkoll li xjentement wasslu biex il-ġenituri anzjani tagħhom isofru tbatija mentali u wassluhom jibżgħu mill-vjolenza, wieħed minnhom b’arma tan-nar, kif ukoll li qerdu għamara fid-dar tal-ġenituri tagħhom u li heddewhom.

L-imputat li allegatament kien hedded lill-ġenituri tiegħu bl-arma tan-nar kien akkużat ukoll li rreżista b’mod vjolenti lil uffiċjal tal-pulizija u wża theddid waqt li l-uffiċjal kien qed jaġixxi fil-qadi ta’ dmiru u weġġa’ ħafif lill-uffiċjal.

Huwa kien akkużat ukoll li wettaq reat matul il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża. Iż-żewġ tewmin ġew akkużati wkoll li kisru ordni ta’ trattament li kienu tqiegħdu taħtha fi proċeduri oħra. L-Ispettur Cauchi qal lill-Qorti li fis-17 ta’ Marzu, il-ġenituri tal-akkużati kienu żaru l-Domestic Vjolence Unit biex jirrappurtaw li ż-żewġ uliedhom kienu dipendenti fuq id-droga li kontinwament jitolbu flus biex isostnu l-vizzju tagħhom u li lesti jkissru d-dar jekk it-talbiet tagħhom ma jiġux sodisfatti.

L-ispettur żied jgħid li f’okkażjoni minnhom, waqt li l-missier kien qed inaddaf l-armi tan-nar tiegħu, wieħed mill-akkużati kien qabad l-arma u hedded li joqtlu, wara li l-missier irrifjuta li jagħti l-flus li ibnu kien qed jitlob biex jixtri d-droga bihom.

Il-Qorti semgħet ukoll kif missier it-tewmin kien qal lill-pulizija li kien nefaq “aktar minn miljun ewro” fuq il-vizzju tad-droga ta’ wliedu matul is-snin. L-akkużati, li qalu lill-Qorti li kienu bla xogħol, it-tnejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi.

L-Avukat Yanika Barbara Sant, li qed tassisti lill-akkużati, staqsiet lill-ispettur meta l-missier kien irrapporta l-inċident tal-armi. “Ilbieraħ,” wieġeb l-ispettur, u ċċara li l-inċident attwali kien allegatament seħħ tliet xhur ilu.

Dr. Barbara Sant talbet għal-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju. L-Ispettur Cauchi oġġezzjona għall-ħelsien tal-irġiel f’dan l-istadju, u semma r-riskju li huma jippruvaw ibgħabsu l-evidenza tax-xhieda ewlenin hekk kif kienu jżuru lill-ġenituri tagħhom kuljum. L-akkużati għandhom ukoll rekord kriminali, qal l-Ispettur.

Dr. Barbara Sant ma qablitx mal-valutazzjoni tal-ispettur tal-akkużati li ma kinitx ta’ min jafdahom, u sostniet li qatt ma nstabu ħatja li kisru l-libertà proviżorja. Hi esprimiet xettiċiżmu dwar l-allegat inċident li kien jinvolvi l-arma tan-nar tal-missier, u sostniet li kieku verament wassal biex il-ġenituri jibżgħu għal ħajjithom, ir-rapport kien isir dakinhar tal-inċident u mhux tliet xhur wara.

Il-libertà proviżorja ġiet miċħuda mill-qorti, iżda, minħabba n-natura tal-akkużi, flimkien mal-fatt li l-allegati vittmi kienu għadhom iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri, fisser li l-qorti ma setax ikollha serħan il-moħħ li l-provi ma kinux se jiġu mbagħbsa. .