Lokali Qorti

Xufier li uża l-mobile u njora ordnijiet biex jieqaf iffaċċja akkużi ta’ traffikar tad-droga

Sewwieq mill-Maċedonja li naqas li jieqaf meta l-pulizija waqqfuih talli kien qed juża l-mobile waqt li kien qed isuq, spiċċa jiffaċċja akkużi ta’ traffikar ta’ droga wara li uffiċjali sabu l-cannabis, kemm fuq il-persuna tiegħu kif ukoll waqt tfittxija sussegwenti fid-dar tiegħu.

L-Ispettur Francesco Mizzi ressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Lara Lanfranco, lil Mihajli Gjelev ta’ 33 sena, residenti San Pawl il-Baħar Mihajlo, fejn akkużah li ttraffika il-cannabis, pussess tad-droga f’ċirkustanzi li jindikaw li ma kinitx maħsuba għall-użu personali tiegħu, li għamel dikjarazzjoni falza lill-awtoritajiet u li għaħmel użu minn dokument falsifikat.

Gjelev kien akkużat ukoll li saq karozza mingħajr liċenzja tas-sewqan jew assigurazzjoni, li ġarr sikkina fil-pubbliku u li uża apparat mobbli li jinżamm fl-idejn waqt li l-karozza li kien qed isuq kienet wieqfa fit-traffiku.

L-Ispettur Mizzi spjega li l-uffiċjali tal-pulizija kienu nnotaw lil Gjelev qed jitkellem fuq il-mowbajl waqt li kien imwaqqaf fit-traffiku. Iżda meta l-uffiċjali resqu lejn il-karozza u ordnaw lis-sewwieq biex jiġbed fil-ġemb, ir-raġel saq.

Meta eventwalment twaqqaf u tfittex, il-pulizija skoprew li ma kellu l-ebda liċenzja tas-sewqan jew assigurazzjoni. Barra minn hekk, fil-pussess tiegħu nstabet cannabis, kif ukoll sikkina, f’liema punt, kien ġie arrestat.

Fid-dar tiegħu nstabet aktar cannabis, li saret tfittxija wara li l-pulizija kisbu mandat. Fil-Qorti Gjelev wieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-avukat difensur, l-avukat Robert Piscopo, informa lill-qorti li f’dan l-istadju mhux se jitlob il-ħelsien mill-arrest.