Internazzjonali

Ċinema: Aaron Taylor-Johnson x’aktarx li hu l-‘James Bond’ ġdid wara Daniel Craig

Mhix qed tonqos l-ispekulazzjoni dwar liema attur se jiddebutta fuq l-iskrins taċ-ċinema bħala l-‘James Bond’ ġdid – jew Aġent 007 f’dan il-franchise ċelebri ta’ films li jmur lura sas-snin sittin.

L-aħħar attur f’dan ir-rwol kien Daniel Craig li ħadem f’ħames films ta’ din it-tema fuq perjodu ta’ sittax-il sena u li spiċċa minn dan ir-rwol fl-2021.

Intant, hemm ħafna għajdut li l-attur Britanniku Aaron Taylor-Johnson hu ‘il-favorit’ li jkun is-suċċessur ta’ Craig f’din is-sensiela. Fil-fatt qed jingħad li dan l-attur ta’ 33 sena —  li ħa sehem fil-films ta’ Marvel u anki interpreta l-parti ta’ John Lennon fil-film Nowhere Boy  — diġà kien offrut ‘formalment’ ir-rwol ta’ 007 għalkemm hemm ukoll is-sorsi li qalu li ‘din l-aħbar mhix ibbażata fuq il-fatti’.

Il-produzzjoni li jmiss fis-sensiela tal-films ta’ James Bond se tkun is-26 waħda wara No Time to Die –l-aħħar film ta’ David Craig li kellu wkoll tmiem mill-aktar kontroversjali…Tmiem li anki ħalla lid-dilettanti tas-sensiela jispekulaw dwar il-futur.