Numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex jinsabu bla provvista tad-dawl.
San Ġwann, Ħal Kirkop, Raħal Ġdid, Pembroke, Qawra, Ta’ Xbiex, Gżira u Xewkija Għawdex huma ftit mil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin maħkuma minn qtugħ ta’ dawl kemm matul il-lejl u dalgħodu.
Numru ta’ persuni irrabjati u diżappuntati stqarrew fuq il-midja soċjali tagħhom, illi ilhom sigħat mingħajr dawl, fejn saħansitra residenti ta’ Ħal Kirkop ilmentaw illi lanqas ilma ma għandhom. Fejn anke kien hemm min staqsa x’se jkun qed jiġri fis-sajf, la ġadarba l-pajjiż qed jesperjenza dan il-qtugħ ta’ dawl fix-xhur tax-xitwa. Filwaqt li urew ir-rabja tagħhom lejn il-fatt li dan il-qtugħ ta’ dawl qed jikkaġunalhom ħafna ħasara fl-appliances fid-djar tagħhom.
Intant, dan il-qtugħ ta’ dawl mhux wieħed pjanat, dan għaliex l-uniku avviż li nħareġ fuq il-website ta’ Enemalta.plc huwa li qtugħ ta’ dawl pjanat kellu jkun parti minn Ħaż-Żebbuġ.
Dan kollu jiġi wara l-kriżi li ħoloq il-Gvern Laburista fis-settur tal-enerġija, fejn is-sajf Malti tal-2023 kien maħkum minn dalma għal numru ta’ ġranet. Bil-Ministru Miriam Dalli tgħid illi l-problema kollha kienet is-sħana tas-sajf.
Intant, b’mod evidenti, il-kwistjoni serja tad-distribuzzjoni tad-dawl hija waħda li għadha tirrenja fil-pajjiż, bil-Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela ma joffri l-ebda soluzzjoni għal din il-kriżi.
//= $special ?>