Internazzjonali

Gaza: Il-Viċi Kap tal-fergħa militari tal-Hamas maqtul fir-rejds tal-Iżraeljani

Il-qawwiet ta’ Iżrael, waqt l-aħħar attakki fuq il-bejtiet tal-Ħamas f’Gaza, irnexxielhom joqtlu lwieħed mill-aktar kapijiet influwenti ta’ dan il-grupp Palestinjan  – bl-azzjoni qed titqies bħala daqqa ta’ ħarta serja għall-kapaċitajiet militari ta’ dik l-entità terroristika.

Marwan Issa qed jissemma bħala l-aktar kap militari ta’ grad għoli li nqatel mill-Iżraeljani mill-bidu tal-gwerra f’Gaza – bil-Ħamas, sal-bieraħ, ma joħorġu l-ebda stqarrija uffiċjali dwar l-eliminazzjoni tiegħu.

Il-media Iżraeljana rappurtat li Issa inqatel waqt attakk mill-ajru speċifiku fuq kumpless tal-mini li għaddej minn taħt il-kamp tar-refuġjati ta’ Nuseirat, fiċ-ċentru ta’ Gaza….Network li hu wieħed mill-moħbiet minfejn it-terroristi jistgħu jwettqu l-kontra-attakki fuq il-militar Iżraeljan f’Gaza.

Marwan Issa kien il-viċi-kap tal-Brigati ta’ Izzedine al-Qassam, il-fergħa militari tal-Ħamas, u anki kien fost l-aktar terroristi mfittxija minn Iżrael.

Fil-fatt, l-Unjoni Ewropea, li kienet poġġiet lil Issa fuq il-blacklist tat-terroristi, sabet konnessjoni rrifjutabbli bejn Issa u l-attakki storiċi tas-7  ta’ Ottubru mill-Ħamas fuq il-komunitajiet ta’ Iżrael u li fihom inqatlu ‘il fuq minn 1,200 – fil-parti kbira familji.

Marwan Issa hu anki ‘isem ieħor’ fuq il-lista tal-kapijiet tal-Ħamas eliminati diġà minn Iżrael – bil-qawwiet Iżraeljani jinsabu determinati biex jeqirdu l-aħħar bażijiet tat-terroristi f’Gaza biex jaċċertaw mis-sigurtà tal-poplu tagħhom man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

L-Uffiċjali ewlenin fil-White House tal-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, qalu li jemmnu li kapijiet oħrajn tal-Ħamas qed jistkennu fil-fond ta’ labirint tal-mini taħt l-artijiet ta’ Gaza – b’Washington qed ikompli jgħin lil Iżrael fit-tfittxija għall-aktar militanti influwenti tal-grupp.