L-awtoritajiet f’Ħong Kong li qed jibbażaw l-amministrazzjoni tat-territorju fuq il-politika taċ-Ċina għaddew liġi tas-sigurtà li timponi kundizzjonijiet riġidi għall-poplu u li fi kliem l-awtoritajiet hi ‘neċessarja għat-tisħiħ tal-istabbilità’.
Madankollu, diversi kritiċi u osservaturi huma konvinti li l-liġi għandha tkompli tnaqqar mil-libertajiet ċivili tar-residenti f’Hong Kong li fl-1997 spiċċat minn kolonja tar-Renju Unit u għaddiet taħt il-kontroll taċ-Ċina.
Intant, Artiklu 23 , għall-ewwel darba, qed jindirizza l-issue tal-protesti popolari li jistgħu jissejjħu ‘rewwixta’ minbarra li jesiġi ‘tolleranza zero’ għal kwalunkwe indħil minn barra. Għall-awtoritajiet f’Ħong Kong, dawn huma ‘reati’ li jistgħu anki jġorru sentenzi ta’ priġunerija għal għomrok — u bil-liġi ġdida qed isservi bħala deterrent qawwi.
Din il-liġi diġà tikkriminalizza l-azzjonijiet li jmorru kontra l-amministrazzjoni tat-territorju, flimkien ma’ azzjonijiet li jaqgħu fil-kategoriji ta’ ‘terroriżmu’ u kollaborazzjoni mal-entitajiet barranin ‘sigrieti’ f’Ħong Kong.
Il-liġi – fil-forma ġdida tagħha — għaddiet malajr (f’anqas minn ġimgħatejn) mill-Parlament ta’ Ħong Kong.
Min-naħa tiegħu, John Lee, il-Mexxej ta’ Ħong Kong u alleat ta’ Beijing, qal li ‘Artiklu 23 hu wkoll neċessarju biex iħares kontra sabutaġġ fuq livell nazzjonali kif ukoll kontra l-entitajiet li jippruvaw iqajjmu l-inkwiet, huma u jixprunaw l-idea ta’ territorju ta’ Ħong Kong indipendenti’.
John Lee anki fisser il-konferma uffiċjali tal-liġi bħala ‘mument storiku li l-poplu ta’ Ħong Kong ilu jistenna għal 26 sena’ – bil-Viċi-Prim Ministru taċ-Ċina, Deng Xuexiang, isostni li l-leġislazzjoni ġdida se tipproteġi l-interessi nazzjonali bażiċi filwaqt li tippermetti biex Ħong Kong jikkonċentra fuq l-iżvilupp ekonomiku.
//= $special ?>

