Lokali Unjoni Ewropea

Il-Ftehim dwar il-Karta tad-Diżabilità tal-UE innegozjat minn David Casa approvat fil-Kumitat

Il-Karta tad-Diżabilità tal-Unjoni Ewropea tinsab pass eqreb li ssir realtà wara li l-ftehim provviżorju, innegozjat mill-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa f’isem il-Partit Popolari Ewropew, irċieva appoġġ kbir fi ħdan il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

David Casa stqarr li din il-leġiżlazzjoni se jkollha impatt pożittiv konkret fuq il-ħajja taċ-ċittadini peress li tiżgura l-libertà tal-moviment għall-persuni b’diżabilità li għadhom qiegħdin isibu l-ostakli meta jivvjaġġaw.

Huwa sostna li persuna b’diżabilità rikonoxxuta li tingħata aċċess speċjali f’Malta għandha ssib ukoll l-appoġġ li teħtieġ barra minn Malta wkoll mingħajr ma jkollha terġa’ toqgħod tipprova mill-ġdid jew tgħaddi minn proċeduri oħra sempliċiment biex tivvjaġġa għal żmien qasir.

Casa insista fuq l-importanza ta’ infurzar effettiv, speċjalment fejn għandu x’jaqsam l-aċċess għall-informazzjoni, u sostna li l-benefiċċjarji ta’ dawn id-drittijiet imsaħħa jridu jkunu jafu bid-drittijiet tagħhom sabiex igawduhom.

Dan filwaqt li stqarr dwar l-importanza li hekk kif  tiġi ffirmata f’liġi, il-gvernijiet, inkluż dak Malti, għandu jħaffef il-proċess biex tiġi introdotta f’pajjiżna wkoll.

Wara l-approvazzjoni tal-kumitat tal-lum, il-Karta tad-Diżabilità tal-UE u l-Karta tal-Parkeġġ se jmorru għall-approvazzjoni finali mill-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja ta’ April.