Lokali

It-telfa ta’ omm: L-ispirazzjoni tal-kanzunetta rebbieħa tal-festival ‘Mużika Mużika’

L-emozzjonijiet li persuna tħoss meta titlef lil xi ħadd għażiż għaliha… speċjalment l-omm. Din kienet l-ispirazzjoni wara l-kanzunetta rebbieħa tar-raba’ edizzjoni tal-konkors ‘Mużika Mużika’  – biex b’hekk Maxine Pace saret l-ewwel mara li rebħet dan il-festival.

Net News kellu l-opportunità li jitkellem mal-awtur tal-kanzunetta ‘Mhux tal-Aħħar’ li spjegalna kif is-sena li għaddiet hu tilef lil ommu, u kien propju f’dan iż-żmien meta ġie ispirat biex jikteb kanzunetta ddedikata lil ommu.

Emil Calejja Bayliss spjegalana li eventwalment meta  kien se jibda l-proċess biex tinkiteb din il-kanzunetta, hu għamel kuntatt mal-kantatnta Maxine Pace li wkoll kienet tilfet lil ommha.

B’dawn l-emozzjonijiet joħorġu tant qawwija minn din id-diska – u anke mill-interpretazzjoni li tat il-kantanta Maxine Pace – wasslu biex hi tirbaħ dan il-konkors.

Emil Calejja Bayliss spjega li dan il-konkors huwa speċjali għax  il-kantanti, flimkien mal-kompożituri u l-awturi huma stmati ta’ artisti. U barra minn hekk iservi wkoll bħala inċentiv biex l-artisti Maltin ikomplu jinvestu f’kanzunetti bil-lingwa Maltija.

Dwar il-kanzunetti Maltin, Emil Calejja Bayliss spjega li dawn qed jiksbu suċċess daqs kanzunetti oħra bl-Ingliż interpretati minn kantanti Maltin; però l-prominenza li jingħataw fuq ir-radju għadha, fl-oppinjoni tiegħu, mhux biżżejjed.