Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Starlites JSD jerbħu l-konfront dirett kontra Mellieħa

(Ritratt: Stephen Chritopher Vella)

Colin Schembri

Athleta AtoZ Electronics…….89

Hibernians…………………………..75

(24-19)(12-19)(24-8)(29-29)

Wirja mill-aqwa fit-tielet sessjoni kienet deċisiva għal Athleta AtoZ Electronics biex ħadu id-disa’ rebħa tal-kampjonat u jinsabu aktar viċin għal post fil-play-offs. Athleta kellhom lill-Amerikan Malik Riddle f’ġurnata mill-aqwa fejn spiċċa bi tripple double b’10 rebounds, 10 assists u 40 punt biex patta għan-nuqqas ta’ sieħbu DeJuan Moorer li għadu nieqes wara injury fil-preliminari tan-Knock-out. Hibs minn naħa tagħhom biddlu wieħed miż-żewġ Amerikani tagħhom fejn irreġistraw lil Keith Charleson (ex-Valletta) u rrilaxxaw lil Mason Hix. Athleta fetħu l-partita b’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Piotr Stelmach. Ivan Demcesen fetaħ il-punteġġ tal-Pawlisti però Athleta kellhom aktar trippli minn Naz Buhagiar u Riddle. Wara li Charleston għamel l-ewwel punti tiegħhu bil-flokk ta’ Hibs, Athleta kellhom it-trippli ta’ Buhagiar u Luca Stefanovic biex temmew l-ewwel sessjoni 24-19 minn fuq. Fit-tieni taqsima Hibs bdew bi break qasir ta’ 8-2 li rahom imorru fuq quddiem 27-26. Athleta rkupraw b’sitt punti mingħajr risposta minn Matthew Gouder u Riddle biex reġgħu marru minn fuq. Hibs kellhom il-punti minn Anton Axiaq u Charleston biex daħlu jistrieħu 38-36 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Athleta bdew bit-three pointers ta’ Riddle u Stefanovic biex fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti 47-40. Axiaq u Matthew Attard wieġbu għal Hibs però Athleta komplew bil-punti ta’ Buhagiar, Stelmach u trippla ta’ Juan Cefai biex temmew il-perjodu 60-46 minn fuq. Hibs fetħu l-aħħar taqsima b’żewġ baskets minn Demcesen u Nick Brennen qabel ma Athleta għamlu break ieħor ta’ 12-1 li bdewh bi trippla ta’ Stelmach biex kabbru l-vantaġġ għal 21 punt 71-51. Hibs ma ċedewx u kellhom risposta permezz ta’ Brennen li għamel sitt punti konsekuttivi però Riddle kompla għaddej bill-punti tiegħu li ħallew lill-Athleta b’vantaġġ komdu. Wara li Attard għamel l-aħħar trippla ta’ Hibs, Athleta għalqu l-partita b’sitt punti oħra biex huma rebħu l-partita 89-75.

Athleta: M. Riddle 40, F. Mifsud Bonnici, N. Buhagiar 13, L. Stefanovic 11, M. Gouder 6, E. Abela, P. Stelmach 16. A. Bozanic, A. Garzia, J. Cefai 3.

Hibernians: K. Charleston 23, P. Attard 2, B. Zammit, L. Attard, L. Farrugia, A. Axiaq 5, R. Aquilina, M. Attard 4, I. Demcesen 13, N. Brennen 28, S. Simic.

Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu, Nestor Rincon

Starlites JSD…………………………..98

Mellieħa Libertas Spalding…..97

(34-24)(29-28)(19-25)(16-20)

F’partita mill-isbaħ, Starlites JSD għelbu lil Mellieħa Libertas Spalding 98-97 biex issa jinsabu punt biss taħt l-istess Mellieħa b’partita inqas u allura b’ċans tajjeb għall-ewwel post tal-klassifika. Partita li seta’ kellha tmiem differenti li kieku fl-aħħar tmien sekondi Tederick Wolfe għamel iż-żewġ free-throws li kellhu. Starlites kienu mingħajr pedina mportanti hekk kif kien nieqes Alec Felice Pace fil-waqt li Mellieħa rkupraw lil Vukassin Jandric li kien tilef is-semifinali tan-Knockout. Il-partita kellha bidu bilanċjat bi Starlites jieħdu vantaġġ żgħir fl-ewwel minuti wara trippla ta’ Christian Hinckson 10-6. Ir-risposta ta’ Mellieħa waslet minn Wolfe flimkien ma’ David Bugeja u trippla tal-Amerikan poġġiethom 14-12 minn fuq. Mellieħa żammew il-vantaġġ għal xi ħin minkejja trippla ta’ Matthew Scerri għal Starlites li però temmew is-sessjoni bi break qawwi ta’ 17-4 b’diversi punti ta’ Kurt James flimkien ma’ trippla ta’ Davonte Craven għal skor ta’ 34-24. Fit-tieni perjodu, Mellieħa fetħu tajjeb u kellhom it-trippli minn Kwame Thompson, Jandric u Wolfe biex sar-raba’ minuta għamlu l-iskor indaqs 38-38. Hinckson u Attard wieġbu għal Starlites fi break ieħor ta’ 11-3 biex fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 49-41. Għal xi ħin iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin però kienu Starlites li temmew it-taqsima bl-aħjar mod bil-baskets ta’ Craven u Ian Felice Pace u sensiela ta’ free-throws li rawhom jidħlu jistrieħu 63-52 minn fuq.

Wara l-intervall Starlites kabbru l-vantaġġ għal14 -il punt wara punti minn Jacob Bourke Doggett. Mellieħa rkupraw bi 8 punti mingħajr risposta. Hawn iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Starlites żammew vantaġġ ta’ sitt punti 74-68. Attard għamel 5 punti konsekuttivi qabel ma Mellieħa għalqu s-sessjoni bi break ta’ 9-3 għal skor ta’ 82-77. Mellieħa komplew bl-istess ritmu fil-bidu tal-aħħar sessjoni fejn għamlu run oħra ta’ 9-0 biex marru erba’ punti minn fuq 86-82. Foul fuq Hinckson issarraf fi tlett free-throws mill-istess player biex Starlites naqqsu d-distakk però Mellieħa kellhom il-punti ta’ Thompson u Mercurio biex baqgħu fuq quddiem 90-87. Hinckson u Attard poġġew lil Starlites fuq quddiem u Miguel Fabri kellhu trippla f’mument kruċjali. Fl-aħħar minuti l-punti naqsu però Fabri mill-ġdid poġġa lil Starlites tlett punti minn fuq. Fl-aħħar 47 sekonda Alex Peacock naqqas id-distakk u sat-tmiem ma sarux aktar punti hekk kif Wolfe falla l-aħħar żewġ free-throws tmien sekondi mit-tmiem u Starlites ħarġu rebbieħa 98-97.

Starlites JSD: C. Hinkson 19, M. Attard 23, I. Felice Pace 2, M. Fabri 7, K. Fabri, M. Scerri 8, D. Craven 14, L. Riolo, J. Bourke Doggett 10, N. Sultana, K. James 15.

Mellieħa Libertas: T. Wolfe 33, D. Bugeja 14, R. Bonnici 1, V. Jandric 16, I. Bonett 2, R. Carabott, A. Peacock 13, K. Thompson 13, C. Mercurio 5.

Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi.

Valletta Fighters………….71

Luxol……………………………85

(18-12)(10-23)(19-23)(24-27)

Wara t-telfa ta’ Hibernians aktar qabel, rebħa biss kienet tissodisfa lil Luxol li telgħu bi 18 -il punt, wieħed biss taħt l-istess Hibs u punt fuq Depiro però b’partita aktar biex il-ġlieda għar-raba’ post kompliet tintensifika ruħha. Valletta, issa mingħajr l-Amerikan Keith Charleston kellhom lil Daniel Bugeja fuq il-bank hekk kif Harry Savaya ġie sospiż għal żewġ partiti. Għalijhom irritorna Davide Bellinzona u kien hu li fetaħ il-partita bl-ewwel ħames punti. L-ewwel punti ta’ Luxol ġew minn trippla ta’ Nikola Jovanovic iżda Valletta kellhom aktar punti minn Bellinzona flimkien ma’ żewġ trippli minn DeSean Mattox biex temmew l-ewwel sessjoni 18-12 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Valletta żammew il-vantaġġ wara punti minn Ulhas Satyonarayan fosthom trippla. Hawn Luxol għamlu run ta’ 11-0 bi trippla oħra ta’ Jovanovic flimkien ma’ Stefan Cappello u Nathan Xuereb. Valletta rkupraw bi trippla ta’ Mattox u basket minn Neil Cassar però kienu Luxol li għalqu t-taqsima bl-aħjar mod bi tmien punti mingħajr risposta u daħlu jistrieħu 35-28 minn fuq.

Wara l-intervall Luxol bdew ikabbru l-vantaġġ speċjalment bi three pointers minn Xuereb u Gael Hulson u marru 16 -il punt minn fuq 50-34. Valletta rkupraw bi break ieħor ta’ 10-0 li bdewh bi trippla ta’ Julian Wait biex reġgħu waslu sa’ sitt punti ‘l bogħod 44-50. Luxol wieġbu b’aktar punti minn Hulson u trippla ta’ Jean Paul Schembri għal skor ta’ 58-47. Fl-aħħar taqsima, wara trippla ta’ Mattox għal Valletta, Luxol għamlu run oħra ta’ 14-4 bi trippla oħra ta’ Xuereb. L-aħħar sforz ta’ Valletta rahom jagħmlu break ta’ 9-2 bil-punti ta’ Bellinzona, Cassar u Mattoc però Luxol kienu għadhom 12 minn fuq u għalqu l-partita b’ħames punti konsekuttivi u kien hemm ukoll id-debutt mal-kbar taż-żagħżugħ Mark Iloube u ħadu r-rebħa bi skor finali ta’ 85-71.

Valletta Fighters: D. Bellinzona 16, N. Da Silva, J. Wait 3, D. Mattox 22, A. Attard, M. Farrugia 2, U. Satyanarayan 17, N. Cassar 11.

Luxol: N. Jovanovic 17, A. Azzopardi 4, JP Schembri 3, N. Xuereb 23, G. Hulsen 13, P. Engelbert, M. Iloube, M. Matijevic 17, S. Cappello 8.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi