Basketball Sport

Kampjonat Louis Borg Nisa U/23: Starlites jibdew il-finali b’rebħa drammatika

(Ritratt: Stephen Chritopher Vella)

Colin Schembri

Starlites……………………48

Luxol……………………….45

(11-13)(7-14)(18-10)(14-8)

Fl-ewwel finali tal-kampjonat tan-nisa ta’ taħt it-23 sena, Starlites kellhom rebħa drammatika kontra Luxol biex marru 1-0 minn fuq. Luxol kienu għal ħin twil minn fuq tul il-partita u saħansitra bdew l-aħħar sessjoni minn fuq però Starlites baqgħu jemmnu u wara li ppareġjaw b’offensive rebound ta’ Catherine Vella, ħadu r-rebħa bl-aħħar trippla tal-partita. B’diversi players li jilgħabu wkoll fil-kampjonat nazzjonali, kienu Luxol li għamlu l-ewwel punti tal-partita minn Shanice Farrugia. Starlites wieġbu bi break ta’ 9-0 bi trippla ta’ Mikela Riolo u l-punti ta’ Andie Saliba u Michela Zammit Cordina. Luxol wieġbu permezz ta’ Lisa Fenech Pace u trippla ta’ Farrugia biex temmew l-ewwel sessjoni 13-11 minn fuq. Luxol fetħu t-tieni sessjoni bi break ta’ 9-0 bil-punti jaslu mill-aħwa Lisa u Anna Fenech Pace. Starlites finalment waqqfuhom b’basket ta’ Zammit Cordina qabel ma A. Fenech Pace għamlet trippla oħra għal Luxol. Starlites temmew it-taqsima bi break qasir ta’ 6-2 biex Luxol daħlu jistrieħu minn fuq 27-18.

Fit-tielet sessjoni, Luxol żammew vantaġġ ta’ 10 punti wara baskets minn Sarah Fenech Pace u Lisa Fenech Pace. Mal-ħin, Starlites bdew inaqqru l-vantaġġ tal-Luxol fejn għamlu seba’ punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Zammit Cordina u waslu sa’ tlett punti ‘l bogħod 29-32. It-taqsim għalqet bi trippla fuq kull naħa biex Luxol baqgħu tlieta minn fuq 37-34. Fl-aħħar perjodu, Luxol reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 5 punti però Starlites baqgħu jiġru warajhom bil-punti ta’ Vella u Riolo u trippla oħra ta’ Zammit Cordina. Fis-seba’ minuta, Luxol kienu għadhom basket minn fuq u wara free-throw żbaljat minn Starlites, Vella daħlet għall-offensive rebound u għamlet l-iskor indaqs 45-45. Minuta wara, Zammit Cordina għamlet it-trippla tar-rebħa għaliex Luxol ma rnexxielhomx jerġgħu isibu l-basket biex Starlites ħadu l-ewwel rebħa fuq skor finali ta’ 48-45. It-tieni finali tintlagħab nhar It-Tlieta 26 ta’ Marzu.

Starlites: C. Cilia 2, M. Riolo 10, A. Saliba 11, J. Formosa, M. Zammit Cordina 19, C. Vella 4, E, Degiorgio, Y. Ferrando 2, M. Sciberras, P. Riolo, M. Majkowska, M. Fenech.

Luxol: V. Selvaggi, L. Fenech Pace 17, H. Galea, E. Abela, M. Camilleri, S. Fenech Pace 8. J. Said, V. Baldacchino, S. Sciberras 1, S. Farrugia 12, M. Marmara. A. Fenech Pace 7.

Referees: Bernard Vassallo, Nelson Da Silva.