Lokali

Peter Agius jirrapporta frodi mill-iżviluppatur Kurt Buhagiar lill-OLAF

“Jeħtieġ niġġieldu l-korruzzjoni b’metodi ġodda, billi nużaw l-għodda ġodda disponibbli.”

Sostna dan il-kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Peter Agius hekk kif irrapporta lill-OLAF fuq l-allegat frodi ta’ € 360,000 f’fondi tal-Unjoni Ewropea f’suppost razzett tan-nagħaġ minn Kurt Buhagiar li intużaw minflok biex inbniet villa.’

Dan wara li l-inkjesta Sofia wriet li l-każ tal-iżviluppatur Kurt Buhagiar, li kien l-iżviluppatur wara s-sit ta’ Kordin fejn tilef ħajtu Jean Paul Sofia, kien wieħed li ibbenefika minn finanzjament mill-Ewropej illiċitament.

Fuq investigazzjoni ta’ Agius mal-applikazzjonijiet relevanti għall-fondi rriżulta li l-iżviluppatur effettivament ibbenefika fi tlett okkażjonijiet separati minn fondi tal-UE, billi ħa l-massimu permess fuq kull applikazzjoni fl-2017, 2019 u 2022 biex ħa € 360,000.

Il-fondi tal-UE minn tlett sejħiet separati tal-Fondi Agrikoli Ewropej immaniġjati mill-Awtorità Maltija tal-Immaniġjar kienu allegatament użati biex tinbena residenza privata u strutturi oħrajn ippreżentati bħala razzett tan-nagħaġ kif iddikjarat fit-tlett applikazzjonijiet.

L-ewwel applikazzjoni kienet għall-kostruzzjoni ta’ razzett fin-Naxxar fl-2017 li ħadet € 150,000, imbagħad għal titjib li ħadet € 146,000 fl-2019 u imbagħad għall-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ madwar il-propjetà li għaliha l-benefiċjarju ħa € 62,000 oħra.

Peter Agius insista li filwaqt li dan l-iżviluppatur b’kuntatti tajba mal-Gvern ħa l-fondi massimi f’tlett okkażjonijiet separati, hemm mijiet t’applikanti li qatt ma rnexxielhom jibbenefikaw minn fondi Ewropej wara snin jippruvaw għalxejn.

Huwa qal li ħadd m’għandu jġib f’periklu fondi tal-Unjoni Ewropea għal Malta minħabba frodi. Għalhekk irrapporta dal-każ lill-Uffiċju Ewropew kontra l-Frodi biex jinvestiga l-każ fil-fond.

Peter Agius qal li ladarba l-mezzi lokali mhux iwassluna għall-ġustizzja, irridu nikkunsidraw modi ġodda biex niġġieldu l-korruzzjoni f’Malta billi naqbdu toroq oħra.

Huwa qal li Malta għandha ħafna iżjed x’tiggwadanja mill-opportunitajiet tal-UE.