L-Ukrajna, is-sigurtà tal-Ewropa, l-immigrazzjoni u s-sitwazzjoni tal-bdiewa huma wħud mit-temi li se jiġu diskussi fil-Kunsill Ewropew li se jitlaqqa’ din il-ġimgħa fi Brussell; summit li se jlaqqa’ flimkien lill-Mexxejja kollha tal-Unjoni Ewropea ftit tal-ġimgħat biss qabel il-vot importanti ta’ Ġunju li ġej.
Is-summit tal-UE se jiftaħ il-Ħamis, u fuq nett tal-aġenda hemm il-gwerra fl-Ukrajna, il-gwerra fil-Lvant Nofsani u s-sigurtà tar-reġjun. Bil-mexxejja tas-27 stat Ewropew mistennija jiffukaw fuq il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ id-difiża tagħha – xi ħaġa li kemm il-Popolari kif ukoll is-Soċjalisti qed jaqblu fuqha, tant li tinsab anke fil-manifest tal-Partit Soċjalista Ewropew, f’sezzjoni numru 18.
Huwa propju għalhekk li qabel dan is-summit, ħafna qed jistaqsu x’se tkun il-pożizzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela wara li ilu juża din it-tema sensittiva bħala ballun politiku biex ibeżża’ lill-partitarji tiegħu.
Skont l-aġenda li tpoġġiet għal dan is-summit, il-mexxejja se jiddiskutu l-istrateġija għad-difiża u dak li qed jissejjaħ European Defence Industry Programme.
F’dan l-aspett ukoll, hemm diskussjoni importanti dwar it-tkabbir tal-UE. Bil-blokk Ewropew qed jaħdem sabiex jilqa’ fi ħdanu l-Ukrajna u l-Moldova, u possibbilment anke l-Bosnja Herzegovina.
Intant, is-summit fil-kapitali Belġjana se jkun qed jiffoka fuq temi oħrajn. Ma jonqosx, fost l-oħrajn, li jkun hemm diskussjoni dwar il-biedja wara l-protesti kbar li kien hemm fl-aħħar xhur f’diversi pajjiżi. Se tkun diskussa anke l-immigrazzjoni, li tibqa’ tema ta’ importanza kbira għall-Ewropa, bil-pajjiżi jagħfsu dejjem aktar favur strateġija komuni.
Intant, f’dawn l-istess jumejn se jkun qed jitlaqqa’ wkoll il-Euro Summit – laqgħa li tiġbor fiha l-pajjiżi taz-Zona Ewro, fosthom Malta.
//= $special ?>