Lokali Qorti

Unanimament ħati li qatel lil Rita Ellul u kkundannat għal għomru l-ħabs

Lawrence Abina ta’ 32 sena, ġie kundannat għomru l-ħabs wara li nstab ħati minn ġurija, b’mod unanimu ta’ disa’ voti kontra xejn, li qatel lis-sieħba tiegħu Rita Ellul. Il-ġurati taw verdett unanimu wara li ddeliberaw għal erba’ sigħat.

Abina nstab ħati li faga’ lil Ellul, omm ta’ tlett itfal, f’appartament f’Għajnsielem, Għawdex, fi Frar tal-2022. Huwa kien wieġeb mhux ħati meta beda l-proċess tiegħu, iżda l-Prosekutur Kaylie Bonnet qalet lill-ġurija li Abina kien stqarr li qatel lil Ellul ta’ 49 sena fi tliet okkażjonijiet differenti u lil nies differenti.

Minkejja li fil-bidu kien ta verżjoni oħra ta’ kif seħħew l-affarijiet, ladarba ġie ppreżentat bl-evidenza, Abina ma kellux triq oħra ħlief li jammetti, qalet il-prosekuzzjoni lill-ġurati qabel ma’ dawn daħlu jiddeliberaw fl-10.15am.

Kien hemm ukoll inċidenti preċedenti ta’ vjolenza domestika bejn it-tnejn, u Ellul kienet irrapportatu lill-Pulizija darbtejn. Il-ġimgħa li għaddiet spettur tal-pulizija li interroga lil Abina qal lill-ġurija li wara li inizjalment ċaħad kull attakk ta’ vjolenza, Abina kien ammetta li qatel lil Ellul, u qal li jiddispjaċih ħafna u ried jingħata maħfra.

Huwa kien qal lill-Pulizija li beża’ li kienet se toħroġ ma’ raġel ieħor, imsejjaħ Stefan, li wara rriżulta li kien raġel fittizju vvintat minn Ellul biex Abina jagħtiha aktar attenzjoni. Il-ġurija semgħet li l-koppja kienet targumenta ta’ spiss wara li Ellul kienet skopriet li hu kien qed jara nisa oħra u jagħmel sess ma’ prostituti.

Abina qal lill-Pulizija li ried jieqaf jifga lill-vittma, iżda beża’ li jispiċċa l-ħabs li kieku baqgħet ħajja għax kienet se tirrapportah. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-avukati tal-AĠ Nathaniel Falzon u Mauro Abela. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru parte civile għall-familja Ellul.

Fis-sottomissjonijiet tagħhom dwar il-piena, l-avukati parte civile Franco Debono u Marion Camilleri, qalu li kienu nnutaw il-verdett unanimu. Il-qorti, qalu, għandha tqis dan meta tagħti l-piena. Huma qalu li ma kienx hemm difiżi mitiganti bħal provokazzjoni jew passjoni spontanja.

“Issir ġustizzja mal-familji li tant batew,” qal l-Avukat Debono hekk kif ħa l-opportunità biex jirrimarka li l-parti civile għandha titħalla tipparteċipa aktar fl-istadju tal-ġurija bħal waqt l-istadju tal-kumpilazzjoni tal-provi. Il-prosekuzzjoni talbet il-piena massima ta’ għomor il-ħabs.

Wara li l-ġurati ħarġu bil-verdett tagħhom, l-Avukati tal-AĠ li mexxew il-prosekuzzjoni, qalu li Abina nstab ħati għall-akkużi ta’ natura serja. Qalu li l-piena għandha tiġi kkunsidrata fuq il-fatt li l-vittma kienet rieqda u ma setgħetx tiddefendi lilha nnifisha.

Huma qalu li l-akkużat m’għandux ikollu post barra fis-soċjetà minħabba li kkawża tbatija infinita lill-vittma u qatt ma wera rimors u sostnew li l-piena idonea għandha tkun l-għomor. Sadanittant Abina ġie ordnat biex iħallas is-somma ta’ €16,000 fi spejjeż tal-Qorti fi żmien 24 xahar.