Internazzjonali

Ħong Kong: Liġi ripressiva qed tqanqal kritika kbira

In-Nazzjonijiet Uniti, Mexxejja tal-Punent u gruppi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem kollha qablu li l-aħħar liġi tas-sigurtà introdotta mill-Amministrazzjoni f’Ħong Kong, kapaċi tkun ‘l-aħħar musmar fit-tebut’ tat-territorju li ilu kontrollat miċ-Ċina mindu spiċċa minn kolonja Britannika fl-1997.

Il-Mexxejja tal-Punent u n-NU ingħaqdu mal-kor ta’ kritika dwar il-liġi ġdida – magħrufa bħala Artiklu 23 – fost l-enfasi li din għandha tkompli tnaqqar mil-libertajiet tal-poplu f’Ħong Kong. Il-liġi għaddiet b’mod unanimu mill-Parlament ta’ Ħong Kong li jieħu d-direttivi mingħand iċ-Ċina u li qed jinsisti kontinwament li (il-liġi) hi ‘essenzjali għall-istabbiltà’.

B’konsegwenza ta’ dan, żdiedet il-lista tal-hekk imsejħa reati meqjusa bħala ‘azzjonijiet ta’ tradiment’ f’Ħong Kong.

Fil-fatt, iċ-Ċina kienet ilha tinsisti għall-konferma tal-liġi li tippermetti għall-proċessi tal-qorti wara bibien magħluqa, kif ukoll għad-dritt tal-pulizija biex iżomm lis-suspettati taħt arrest għal 16-il jum mingħajr ma jressqulhom akkuża. Saru wkoll possibbli l-pieni ta’ ħabs għal għomorhom lill-attivisti ‘li, b’xi mod, ma jogħġbux lill-Gvern komunista f’Beijing.’