Il-ġuri ta’ raġel mill-Ghana li qed jiġi akkużat bil-qtil tas-sieħba tiegħu Rita Ellul, riesaq lejn tmiemu hekk kif għall-ħabta tal-10.30am il-ġurati għandhom jibdew jiddeliberaw biex jaslu għall-verdett tagħhom u eventwalmnent tingħata s-sentenza mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras li bdiet tisma’ l-provi minn nhar il-Ħamis li għadda meta beda l-ġuri.
L-Imħallef bdiet l-ewwel indirizz tagħha lill-ġurija sa minn mindu ġiet elevata għall-grad ta’ Imħallef fl-1 ta’ Novembru li għadda. Lawrence Abina ta’ 32 sena mill-Ghana, jinsab għaddej ġuri mixli li sentejn ilu qatel lis-sieħba tiegħu Rita Ellul, f’appartament f’Għajnsielem, Għawdex. Skont il-prosekuzzjoni, huwa wettaq dan id-delitt għax kien qed jaħseb ħażin fiha u li kienet l-għira li ġegħlitu joqtolha.
Mix-xhieda ħareġ li fis-26 ta’ Frar 2022 fis-1.10pm, il-Pulizija kienet infurmata li kien hemm persuna mejta f’Għajnsielem. Meta marru fuq il-post, Rita Ellul kienet diġà ġiet ċertifikata minn tabib li kienet mejta. Il-membri tal-Korp tal-Pulizija qalu fix-xhieda tagħhom li meta kellmu lil Lawrence Abina, dan għall-ewwel beda jiċħad fejn qal li kien sabha ma tiċċaqlaqx fis-sodda meta wasal lura mix-xogħol.
Madankollu Abina ammetta mal-Pulizija fid-Depot li kien hu li qatel lil Rita Ellul. Fil-fatt huwa kien ammetta l-qtil fl-istqarrija li kien ta lill-Pulizija. Fil-jum tat-Tlieta ġew mgħajta 24 xhud li lkoll xehdu, u li fil-maġġornaza tagħhom huma membri tal-Korp tal-Pulizija. Dawn kollha kienu konsistenti fix-xhieda tagħhom. Mill-awtopsja rriżulta li l-vittma kienet mietet fgata.
Fl-att tal-akkuża dwar il-qtil tal-mara, il-prosekuzzjoni qed tgħid li l-koppja kienu ilhom xi snin flimkien, bir-relazzjoni tagħhom tkun xi ftit jew wisq imqallba u f’diversi okkażjonijiet kien hemm ukoll abbuż fiżiku u verbali min-naħa ta’ Abina.
Huma kienu għamlu żmien li waqfu milli jaraw lil xulxin, u dan għal perjodu ta’ xhur. Madankollu, wara diversi attentati mill-akkużat biex jerġa’ jiltaqa’ magħha, Rita Ellul ċediet u eventwalment aċċettat li terġa’ tiltaqa’ miegħu.
Lejlet li nqatlet, Rita Ellul u l-ħabiba tagħha Josephine Borg kienu qed iqattgħu ħin fl-appartament li kien mikri minn Abina u sieħbu Amankwah Tafutor. Filwaqt li l-vittma, il-ħabiba tagħha Josephine Borg u s-sieħeb tal-akkużat Tafutor iċċajtaw ma’ xulxin u gawdew is-serata flimkien, Abina ma ngħaqadx magħhom.
Aktar tard dakinhar stess filgħaxija fil-25 ta’ Frar, Josephine Borg telqet mill-appartament u marret id-dar filwaqt li l-akkużat u l-vittma marru jieklu f’gabbana fl-Imġarr (Għawdex), u wara pproċedew biex imorru jaraw film fuq il-mobile tagħhom fl-Imġarr.
Wara li kollox deher normali, hekk kif marru lura d-dar fl-appartament imsemmi, marru jorqdu. Billi l-għada filgħodu Lawrence Abina qam għax-xogħol għall-ħabta tas-6:50am, ippreparat għax-xogħol u ħa kolazzjon ma’ sieħbu Amankwah Tafutor.
Hekk kif sieħbu Amanwkah Tafutor telaq għax-xogħol, l-akkużat baqa’ fl-appartament tiegħu filwaqt li l-vittma Rita Ellul kienet għadha rieqda sew. Meta l-akkużat ħejja biex imur ix-xogħol, mar ibus lill-vittma Rita Ellul għall-‘addio’.
Il-prosekizzjoni qed tgħid li Abina tela’ fuq il-vittma Rita Ellul u għafas b’mod vigoruż ir-riġlejn fuq għonq il-vittma. Qed tgħid ukoll li waqt li Lawrence Abina kien qed jifga lill-vittma Rita Ellul, qamet ixxokkjata, madankollu ma setgħetx twaqqaf lil Lawrence Abina.
F’dan l-attakk fuq Rita Ellul, Lawrence Abina rnexxielu jostakola n-nifs tal-vittma billi għamel pressjoni fiżika fuq għonqha li rriżultat fil-mewt tal-vittma Rita Ellul minħabba għafsa bi pressjoni manwali fuq l-għonq, magħrufa wkoll bħala strangolazzjoni.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonett u Anthony Vella, filwaqt li l-Avukat Simon Micallef Stafrace qed jidher bħala avukat tal-għajnuna legali għal Abina. Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras. Dan huwa l-ewwel ġuri li l-Imħallef qed tisma’ quddiem ġurija.
L-Ispetturi Kurt Zahra, Josef Gauci u Wayne Camilleri kienu investigaw il-każ. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru parte civile għan-nom tal-familja tal-vittma.
//= $special ?>