Lokali

Il-Maltin bl-inqas rata ta’ żieda fil-pagi

Il-Maltin bl-inqas rata ta’ żieda fil-pagi waqt li s-saħħa tal-flus ilha staġnata għal sitt snin sħaħ. Minkejja li l-paga żdiedet bil-COLA, din iż-żieda ttieklet kompletament biż-żieda fil-prezzijiet – biex b’hekk il-ħaddiema spiċċaw agħar milli kienu.

Dan ħareġ minn rapport dwar l-ekonomija li sar mill-KPMG, u li wera kif il-qgħad jaf jiżdied matul is-sentejn li ġejjin kaġun tan-nuqqas ta’ ħiliet fil-ħaddiema.

Ir-rapport jindika ċar li l-ħaddiema barranin, minkejja li essenzjali għall-mudell preżenti tal-ekonomija, qed isarrfu f’ħafna sfidi – l-aktar minħabba l-fatt li xorta qed jispiċċaw jitilqu minn Malta wara inqas minn sena.

Dan ir-rapport wera wkoll li ż-żieda fil-pagi f’Malta kienet biss ta’ 1.5% is-sena li għaddiet …l-inqas żieda fil-pagi fl-Unjoni Ewropea, waqt li l-inflazzjoni żdiedet b’5.7%. B’hekk, dak l-imsejjaħ purchasing power, kien wieħed negattiv, hekk kif in-nies kellhom inqas valur ta’ flus f’idejhom.

L-akbar żieda fil-prezzijiet kienet fl-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku, b’żieda ta’ 9.5%, bir-rapport jgħid li l-iskema Stabbiltà tista’ ma tkunx waħda sostenibbli. Dan hekk kif ir-rapport jissuġġerixxi li l-iskemi għandhom jiffukaw iktar fuq il-produttività u kif din tista’ tkompli tiżdied.

Intant, statistika maħruġa aktar kmieni din il-ġimgħa wriet kif il-piż tal-għoli tal-ħajja f’Malta baqa’ akbar minn dak li qed jesperjenzaw pajjiżi fiz-Zona Ewro hekk kif l-inflazzjoni f’Malta tinsab fil-livell ta’ 3% u fiż-zona ewro l-inflazzjoni hija ta’ 2.6%.

Ir-rapport tal-KPMG wera wkoll kif il-prezzijiet tal-propjetà f’Malta kienu ogħla mis-sena ta’ qabel, hekk kif f’Jannar ta’ din is-sena, il-kuntratti finali kellhom valur ta’ 5.6% iktar minn Jannar tal-2023. Jirriżulta wkoll li l-lokalitajiet fejn inħarġu l-iktar permessi għal bini residenzjali kien fir-reġjun ta’ fuq ta’ Malta kif ukoll f’Għawdex. Waqt li l-inqas permessi għal bini kien fir-reġjun tal-Punent.