Il-gruppi tar-ribelli Russi li fil-preżent qed jiġġieldu għal-liberazzjoni tar-Russja, qegħdin ikunu xewka kbira f’dahar il-President Vladimir Putin u l-Kremlin ta’ Moska. Waqt li r-ribelli qegħdin jiksbu s-suċċessi militari fl-artijiet tar-Russja viċin il-fruntiera Ukrena, Putin innifsu qed jimpenja lilu nnifsu – u lis-servizzi sigrieti tal-Kremlin – biex ‘isibu u jeliminaw’ lill-ġellieda inkwistjoni li anki qegħdin jikkumbattu għal ‘Ukrajna ħielsa’.
L-aħħar rapporti qablu li r-ribelli qed joħolqu l-kaos qalb il-villaġġi Russi li jmissu mal-fruntiera. Fl-istess ħin, il-fatt li madwar 9,000 tfal qed ikunu evakwati mir-reġun ta’ Belgorod, jitqies bħala ammissjoni li l-awtoritajiet u l-qawwiet tal-Kremlin ma jistgħux jiggarantixxu s-sigurtà tar-residenti fl-inħawi.
Is-sitwazzjoni wasslet biex Putin joħroġ direttiva speċifika biex l-ispjuni u l-aġenti tiegħu jsibu u jeliminaw lir-ribelli li hu rrefera għalihom bħala ‘tradituri u merċenarji’. Il-President Russu għamilha ċara wkoll li l-kaċċa għar-ribelli Russi ma għandha l-ebda statut ta’ limitazzjoni waqt li qal li ‘fallew l-attentati tar-ribelli biex jiżirgħu terrur fl-artijiet tar-Russja’. Dan fost l-alleagazzjonijiet li r-ribelli qegħdin jingħataw l-għajnuna diretta mingħand l-Ukrajna.
Ir-reġjun ta’ Belgorod ilu żmien taħt attakk mid-drones u l-missili li qed ikunu sparati mill-artijiet tal-Ukrajna fejn jingħad li l-gruppi tar-ribelli Russi għandhom numru ta’ bażijiet. Ir-ribelli wettqu wkoll diversi azzjonjijiet ta’ sabutaġġ kontra l-faċilitajiet u l-infrastruttura fit-territorju proprju tar-Russja.
Min-naħa tagħhom, Putin u l-Kremlin qed jirreferu għas-sitwazzjoni peress li tliet battaljuni ta’ ġellieda ‘anti-Putin’ ilhom l-aħħar ġimgħa jikkumbattu lit-truppi tal-Gvern Russu huma u jaħtfu aktar territorji fir-Russja proprja.
Sadanittant, l-evakwazzjoni tat-tfal u ta’ persuni oħra vulnerabbli minn Belgorod qed issir fost il-bumbardamenti kontinwi fuq iz-zoni tar-reġjun – u waqt li r-ribelli Russi, li jsejħu lilhom infushom ‘partisani’, qegħdin iwettqu dejjem aktar inkursjonijiet fil-villaġġi tar-Russja li huma eqreb tal-fruntiera Ukrena.
Id-diskors ta’ Putin lill-kmandanti ewlenin tal-qawwiet tas-sigurtà Russi kien ukoll sinifikanti għaliex kienet l-ewwel darba li hu ‘irrikonoxxa’ l-qawwa tal-attakki mir-ribelli li qegħdin jopponuh b’mod daqstant effettiv.
Hu minnu wkoll li z-zoni tar-Russja mal-fruntiera spiċċaw vulnerabbli ħafna b’riżultat tal-gwerra tal-Kremlin kontra l-Ukrajna li ilha minn Frar tal-2022.
Dan qed jgħin biex il-gruppi tar-ribelli jieħdu vantaġġ mill-kaos f’dawn l-inħawi tar-Russja, fost l-indikazzjonijiet spissi tas-suċċessi militari mill-entitajiet armati b’ismijiet bħal ‘Leġjun għall-Ħelsien tar-Russi’, il-‘Korp għall-Voluntiera Russi’ u ‘l-Battaljun tas-Siberja’ …lkoll gruppi li beħsiebhom jinsistu bil-kampanja armata kontra Putin matul il-jiem li ġejjin.
//= $special ?>

