“Filwaqt li r-rapport juri li ż-żgħażagħ b’mod ġenerali jgawdu minn livell għoli ta’ benesseri, is-sitwazzjoni fil-verità mhijiex daqshekk pożittiva.”
Dan intqal waqt it-tnedija taċ-Child Wellness Index tal-Università ta’ Malta u l-Fondazzjoni Maltija għall-Benesseri tas-Soċjetà, li saret fil-Parlament ta’ Malta l-Erbgħa filgħodu. F’dan ir-rapport kien żvelat kif iż-żgħażagħ Maltin qed isiru inqas ferħana …simili ta x’intqal fil-World Happiness Report, li wera kif iż-żgħażagħ Maltin huma fost l-inqas ferħana fl-Ewropa.
Dan ir-rapport ġie miġbur mill-akkademiċi universitarji Carmel Cefai, Rachel Spiteri, Natalie Galea u Marie Briguglio. Tfissru d-dettalji tat-364 tifel u tifla ta’ bejn is-7 snin u 15-il sena li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ li sar forma ta’ tliet kwestjonarji separati għal tfal ta’ bejn 7 sa 8 snin, ta’ 8 snin sa 11-il sena, u ta’ 11-il sena sa 15-il sena.
Fir-rapport, ġie żvelat li 9% tal-adoloxxenti jsibu serħan meta jweġġgħu lilhom infushom, filwaqt li 17.3% tat-tfal bejn is-7 u 8 snin esperjenzaw bullying. Il-pressjoni akkademika, il-bullying, it-tniġġiż, u s-solitudni huma kollha raġunijiet għala wieħed ma jħossux ferħan. Deher ukoll li iżjed ma tfal jikbru, inqas qed ikunu sodisfatti b’ħajjithom.
Il-Professur Carmel Cefai sostna li dan l-istudju juri l-importanza li aħna għandna nisimgħu l-vuċijiet tat-tfal stess biex nifhmu liema aspetti f’ħajjithom sejrin tajjeb u liema mhumiex.
Waqt din it-tnedija kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali, Albert Buttigieg, li sostna l-importanza tal-familji għall-benesseri u l-edukazzjoni tal-valuri għat-tfal.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qajjem punt interessanti dwar jekk hemmx bżonn issir bidla fis-sistema edukattiva f’Malta, filwaqt li wkoll semma l-importanza tal-valuri fi ħdan il-familji Maltin.
L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, temm din it-tnedija billi sostna dwar l-importanza li jaħdmu sabiex il-pariri li ssemmew waqt din it-tnedija ma jaqgħux fuq widnejn torox.
//= $special ?>