Lokali Qorti

Jingħata l-pleġġ sewwieq li kien involut f’ħabta kerha f’Ħal Luqa

Melbin Devassy, Indjan ta’ 35 sena, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li bi traskuraġni kkawża inċident ta’ traffiku f’Ħal Luqa fejn Malti spiċċa jissielet għal ħajtu. L-inċident kien seħħ fit-8 ta’ Frar li għadda fi Triq l-Avjazzjoni f’Ħal-Luqa.

Huwa ġie mixli wkoll li kien qed isuq mingħajr liċenzja tas-sewqan u l-polza tal-assigurazzjoni. Devassy wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih hekk kif tressaq quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-inċident seħħ bejn żewġ vetturi u s-sewwieq tal-karozza l-oħra, raġel ta’ 35 sena minn Ħal Kirkop, spiċċa fil-periklu tal-mewt.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha u qalet li r-raġel m’għandu l-ebda rabta ma’ Malta u hemm biża’ li jaħrab. Id-difiża wieġbet li r-raġel ilu jaħdem Malta b’mod legali madwar sena u dejjem ikkopera mal-Pulizija.

Il-Maġistrat Elaine Rizzo laqgħet it-talba tad-difiża bil-kundizzjoni li r-raġel ma jsifirx mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti u jiffirma fl-għassa taż-Żejtun kuljum. Il-pleġġ ingħata fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Kurt Farrugia. Għall-akkużat dehru l-Avukati difensuri Francesca Zarb u Manuel Galea. Għall-parte civile qed jidher l-Avukat Roberto Spiteri.