Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li pponta pistola fuq l-eks sieħba tiegħu u bintha ta’ sentejn

Raġel ta’ 34 sena minn Ħaz-Żabbar u residenti ż-Żurrieq, wieġeb mhux ħati li bl-imġiba tiegħu kkaġuna biża’ lill-eks sieħba tiegħu li se tintuża vjolenza kontriha quddiem it-tfal tagħhom li għandhom ħames snin u sentejn wara li allegatament ipponta pistola lejn ommhom u t-tifla ż-żgħira. Il-każ allegatament seħħ nhar it-Tlieta, f’jum San Ġużepp għall-ħabta tat-3pm.

Fil-Qorti preseduta mill-Maġistart Elaine Rizzo, il-prosekuzzjoni qalet li l-vittma kellha tiltaqa’ mar-raġel biex tiġbor lil binthom ta’ sentejn wara li r-raġel mar jiġbor lit-tifla miċ-Child Care mingħajr permess. Mal-Pulizija l-mara qalet li fuq il-post ir-raġel beda jistaqsiha biex jerġa’ jibdew ir-relazzjoni tagħhom mill-ġdid u meta hija rrifjutat, huwa ħareġ pistola u qalilha li kien lest li joqtolha u jmur il-ħabs, jekk ma kinitx se terġa’ tibda relazzjoni miegħu.

L-ispettur qalet li meta l-mara u żewġ minuri marru l-għassa ta’ Ħaz Żebbug, huma kienu mwerwra, bit-tifla l-kbira bdiet tirremetti wara li rat lill-missierha jipponta l-pistola lejn ommha u anke oħtha. Ir-raġel ġie akkuzat ukoll li fil-pussess tiegħu kellu arma tan-nar meta hedded lill-eks sieħba li kien se joqtolha, u li hu ricediv.

Id-difiża mmexxija mill-avukat Franco Debono, talbet għal ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha. Fix-xhieda tiegħu, missier l-akkużat qal li hu kien lest li jintrabat u jagħmel tajjeb għal ibnu jekk jikser kundizzjonjiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Sherona Buhagiar, argumentat li l-akkużi huma ta’ natura serja fejn anke ntużat arma quddiem il-minuri. Qalet li sal-lum il-gurnata l-arma li ntużat għadha ma nstabitx. Qalet ukoll li l-istess arma dehret f’ritratti li kisbet il-Pulizija matul l-investigazzjoni, fejn fir-ritratti jidher l-istess raġel jippunta l-arma ma’ rasu minħabba ħsibijiet suwiċidali li kien għaddej minnhom.

L-avukat tal-parte civile Jason Azzoppardi, qal li ‘this is another Bernice Cassar in the making’. Qal li ftit xhur ilu quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco, ir-raġel kien weigħed lill-mara li kien se jinbidel u għaldaqstant ħafritlu. Minkejja dan, l-avukat kompla jgħid li huwa xorta baqa’ jmur quddiem il-bieb tad-dar t’ommha u jiffastidjaha.

Il-Maġistrat Elaine Rizzo qalet li f’dan l-istadju l-imputat mhux jagħti s-serħan tal-moħħ li se joqgħod għal kundizzjonjiet imposti fuqu u għaldaqstant ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni talbet lill-qorti l-ħrġ ta’ ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma, liema talba kienet milqugħa.

Il-Qorti ordnat biex l-ismijiet ta’ dawk kollha involuti fil-każ ma jissemmewx. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Sherona Buhagiar. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit dehru għall-akkużat. Għall-vittma qed jidher l-avukat Jason Azzoppardi bħala parte civile.