Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Tliet rebħiet kbar mit-timijiet ta’ fuq

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Valletta Fighters………….60

Hibernians……………………97

(16-32)(18-23)(15-22)(11-20)

Hibernians irritornaw għar-rebħ wara li għelbu lit-tim ta’ Valletta Fighters 97-60. Valletta kienu biss b’seba’ players għal din il-partita hekk kif kien nieqes ukoll Julian Wait. Il-coach ta’ Hibs Mario Tabone ħa l-okkażjoni biex jagħti ħin lil players li kienu anqas użati s’issa, bħal Luke Attard u Stefan Simic li bejniethom qasmu wkoll 11-il punt. Wara bidu bilanċjat fejn iż-żewġ timijiet wieġbu lil xulxin, Hibs kellhom run ta’ 15-4, b’żewġ trippli ta’ Nick Brennen u oħra ta’ Paul Attard flimkien ma’ Ivan Demcesen u marru 17-6 minn fuq. Valletta kellhom trippla minn Davide Bellinzona qabel ma Hibs żiedu l-vantaġġ bil-punti ta’ Keith Charleston kontra l-eks tim tiegħhu. Wara 5 punti għal Valletta, Hibs għalqu l-perjodu bi trippli ta’ Billy Zammit u Brennen għal skor ta’ 32-16.

Fit-tieni perjodu, kien hemm aktar three pointers fuq iż-żewġ naħat b’Simic jibda għal Hibs u Ulhas Satyanorayan iwieġeb bi tnejn għal Valletta. Hawn iż-żewġ timijiet kellhom run kull wieħed ta’ 10-2 bil-player Indjan ta’ Valletta jagħmel żewġ trippli oħra. Hibs għalqu t-taqsima bi break ieħor ta’ 8-0 bi trippli ta’ Brennen u L. Attard għal skor ta’ 55-34.

Fit-tielet taqsima kien hemm il-punti ta’ Demcesen u Brennen għal Hibs qabel ma Valletta kellhom sitt punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Cassar. Hibs għaddew biex għamlu run ta’ 16-4 b’diversi punti minn Demcesen u Charleston flimkien ma’ trippla minn M. Attard biex temmew is-sessjoni 77-49 minn fuq.

Fl-aħħar taqsima ftit li xejn kien hemm storja speċjalment bit-tim ta’ Hibs jagħmlu run oħra ta’ 15-0 bi trippla ta’ Brennen u l-punti ta’ Demcesen. Valletta għalqu l-partita bl-aħħar basket minn Andy Attard hekk kif Hibernians ħarġu rebbieħa 97-60.

Valletta Fighters: D. Bellinzona 5, N. Da Silva 2, D. Mattox 16, A. Attard 2, M. Farrugia 2, U. Satyanarayan 15, N. Cassar 18.

Hibernians: K. Charleston 16, P. Attard 3, B. Zammit 9, L. Attard 5, A. Axiaq 5, M. Attard 10, I. Demcesen 20, N. Brennen 23, S. Simic 6.

Referees: Gordon Barbara, Fiorentina Ciurariu, Nicy Azzopardi

Starlites JSD……………104

Luxol………………………..77

(32-8)(17-27)(32-19)(23-23)

Ic-champions Starlites JSD komplew fejn ħallew jumejn qabel u jidher li qabdu jingranaw sew għat-triq tal-play-offs meta għelbu lil Luxol 104-77. Minbarra Alec Felice Pace, Starlites tilfu wkoll lil Jacob Bourke Doggett però t-tliet Amerikani tagħhom qegħdin jgħollu l-prestazzjoni tagħhom ma’ kull partita u qasmu bejniethom 63 punt. Għal Luxol kien hemm wirja nkorraġanti miż-żagħżugħ Adam Azzopardi li huwa parti importanti mit-tim ta’ taħt id-19-il sena li wasal fil-fażi finali tal-kampjonat.

Starlites kellhom bidu qawwi tant li fl-ewwel sitt minuti kienu diġà 16-2 minn fuq, fejn bdew bi trippla ta’ Kai Fabri u komplew b’diversi punti ta’ Davonte Craven u Matt Attard. Għal Luxol kien hemm risposta minn Nathan Xuereb u Gael Hulson però hawn Starlites kellhom it-trippli ta’ Christian Hinckson u Kurt James biex temmew l-ewwel sessjoni 32-8 minn fuq.

Fit-tieni perjodu l-logħob kien aktar maqsum hekk kif Luxol bdew jirrispondu permezz ta’ Nikola Jovanovic u Azzopardi però punti minn Hinckson u Attard ħallew lil Starlites 22 punt minn fuq fis-sitt minuta 45-23. Luxol kellhom żewġ trippli minn Xuereb flimkien ma’ baskets minn Marco Matijevic biex irnexxielhom inaqqsu d-distakk għal 14-il punt 49-35.

Fit-tielet taqsima, Starlites bdew bi tmien punti mingħajr risposta b’żewġ trippli ta’ Hinckson u Miguel Fabri. Luxol wieġbu bi break ta’ 10-2 ukoll bi trippla ta’ Azzopardi, però hawn Starlites kellhom erba’ three pointers oħra, 2 minn James flimkien ma’ Matthew Scerri u Attard biex reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 27 punt fi tmiem il-perjodu 81-51.

L-aħħar sessjoni kienet l-aktar waħda bilanċjata tant li spiċċat f’parita ta’ 23 punt kull tim. Starlites għamlu break ta’ 17-3 li fil-ħames minuta rahom jgħaqqdu l-mitt punt bi trippla ta’ Hinckson, flimkien mal-punti ta’ Scerri, James u Ian Felice Pace. Lejn tmiem il-partita Luxol għamlu run ta’ 8-0 bi trippla ta’ Xuereb biex Starlites rebħu l-partita 104-77.

Starlites JSD: C. Hinkson 19, M. Attard 15, S. Aquilina, I. Felice Pace 7, M. Fabri 7, K. Fabri 3, M. Scerri 7, D. Craven 27, L. Riolo, N. Sultana 2, K. James 17.

Luxol: N. Jovanovic 4, A. Azzopardi 24, JP Schembri 5, N. Xuereb 19, G. Hulsen 3, P. Engelbert, M. Matijevic 18, S. Cappello 4.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Fanni Fabok

Sigma Depiro………………………….58

Mellieħa Libertas Spalding……110

(9-24)(18-22)(14-29)(17-35)

Mellieħa irritornaw għar-rebħ meta kisbu rebħa faċli fuq Sigma Depiro 110-58. Riżultat li jista’ jitqies bħala sorpriża meta wieħed jikkonsidra l-mument pożittiv li t-tim ta’ Depiro kien għaddej minnu u li fost l-oħrajn kien jinkludi rebħa fuq l-istess Mellieħa fis-semifinali tan-Knock-out. Nikola Bozovic kien nieqes għal Depiro filwaqt li Mellieħa kienu mingħajr Robert Bonnici.

Il-bidu tal-partita kien forsi l-aktar ħaġa li ssorprenda hekk kif Mellieħa bdew b’run ta’ 21 punt mingħajr risposta u kellhom jgħaddu aktar minn seba’ minuti biex Depiro għamlu l-ewwel punti tagħhom. Mellieħa kellhom fost l-oħrajn żewġ trippli minn Vukassin Jandric u oħra minn Tederick Wolfe flimkien ma’ Kwame Thompson. Fit-tmien minuta wasal l-ewwel basket ta’ Depiro minn Alfred Hollins li kellhom ukoll trippla minn Miguel Mallia, però Mellieħa għalqu s-sessjoni bi trippla ta’ Jandric għal skor ta’ 24-9.

Fit-tieni taqsima kien Hollins li kompla jikseb il-punti ta’ Depiro però Mellieħa kellom aktar three pointers minn Alex Peacock, Ryan Carabott u Jandric. Wara li Mellieħa għamlu run qasira ta’ 8-2, Depiro kellhom żewġ trippli minn Cameron Cornelius, però fl-intervall Mellieħa kienu 46-22 minn fuq.

Fil-bidu tat-tielet taqsima Depiro ppruvaw jirkupraw hekk kif bdew jirrispondu għall-baskets tal-avversarji, però sa nofs is-sessjoni kienu għadhom 17 minn taħt 36-53. Mellieħa, però, malajr reġgħu ħadu l-partita f’idejhom hekk kif għamlu run oħra qawwija ta’ 22-5 fost l-oħrajn bi trippli ta’ Peacock u Carabott, u l-baskets ta’ Wolfe għal skor ta’ 75-41.

L-aħħar perjodu, bil-partita deċiża. offra tmiem spettakolari fosthom minn Wolfe hekk kif Mellieħa kienu fil-kontroll totali bid-Depiro demoralizzati. Il-mitt punt wasal minn basket ta’ David Bugeja hekk kif il-partita għalqet bi trippla fuq kull naħa għal skor finali ta’ 110-58.

SIGMA Depiro: S, Galea 3, L. Trapani, A. Aquilina, N. Grech, A. Hollins 15, K. Rooks 15, M. Brincat 2, M. Mallia 5, C. Cornelius 15, N. Bukva 3, M. Debattista.

Mellieħa Libertas: T. Wolfe 36, D. Bugeja 5, V. Jandric 23, I. Bonett 2, R. Carabott 11, A. Peacock 11, K. Thompson 20, C. Mercurio 2.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi