Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Depiro jitilgħu fit-tieni post

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Depiro……………………….64

Starlites JSD……………..58

(24-16)(10-7)(12-15)(18-20)

Il-mument pożittiv ta’ Depiro kompla bit-tieni rebħa fuq ic-champions Starlites JSD biex issa huma telgħu jokkupaw it-tieni post tal-klassifika. Jirriżulta li l-players ta’ Adrian Baldacchino issa amalgamaw tajjeb flimkien wara bidu diffiċli u l-kampanja akkwisti tas-sajf li għadda qiegħda tħalli l-frott.

Starlites fetħu l-partita bl-ewwel basket minn Michela Zammit Cordina bid-Depiro jirrispondu b’seba’ punti konsekuttivi fosthom trippla ta’ Julia Xerri. Starlites għamlu l-iskor indaqs 10-10 wara punti minn Paige Cannon u Zammit Cordina peró reġgħu ntlaqtu minn run oħra ta’ 7-0 minn Depiro bi trippla ta’ Sophie Abela.

Starlites ukoll kellhom trippla minn Mikela Riolo, iżda Depiro komplew b’aktar punti fejn ankè Nicole Agius u Kristy Galea kellhom trippla kull wieħed biex temmew l-ewwel sessjoni 24-16 minn fuq. Starlites bdew tajjeb fit-tieni perjodu u naqqsu d-distakk għal basket wara punti minn Riolo, Zammit Cordina u trippla ta’ Cannon. Depiro malajr wieġbu bi break ta’ 10-0 maqsum bejn Xerri u Johnson biex daħlu jistrieħu 34-23 minn fuq.

Wara l-intervall, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin qabel ma Abela kellha trippla oħra għal Depiro biex żiedu l-vantaġġ 41-29. Starlites komplew jitħabtu biex inaqqsu l-iżvantaġġ speċjalment bil-punti ta’ Riolo u Cannon u waslu sa’ seba’ punti ‘l bogħod, 33-41. Depiro kellhom il-punti ta’ Abela u Johnson qabel ma trippla ta’ Cannon għalqet is-sessjoni fuq skor ta’ 46-38.

Depiro fetħu l-aħħar sessjoni b’sitt punti mingħajr risposta, però Starlites baqgħu jitħabtu u kellhom aktar trippli minn Riolo u Cannon. Depiro però kellhom vantaġġ ta’ 12-il punt wara trippla ta’ Galea biex baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem u ħarġu rebbieħa 64-58.

Depiro: S. Abela 9, Ni. Agius 6, J. Xerri 7, J. Mallia, L. Sciberras, No. Agius, C. Ciantar 8, J. Borg 2, J. Johnson 27, M. Micallef, N. Borg, K. Galea 5.

Starlites JSD: M. Zammit Cordina 12, M. Riolo 13, A. Saliba 2, E. Degiorgio, M. Bonett, S. De Martino 8, P. Cannon 23, P. Riolo, Y. Ferrando, C. Cilia, C. Vella, C. Curmi.

Referees: Gordon Barbara, Miguel De Flavia

Fusion Quest…………………..38

Hibernians……………………..107

(11-17)(8-29)(7-26)(11-35)

Kif mistenni Hibernians ħarġu rebbieħa f’dan il-konfront kontra Fusion hekk kif quddiemhom kellhom skwadra ridotta biss għal 5 players. Min-naħa l-oħra, Sandro Farrugia kellu 12-il player li dawwar tul il-partita kollha tant li l-punteġġ kien mifrux fuq diversi players, għalkemm bħas-soltu l-Amerikana Lyndsey Whilby spiċċat bħala l-aħjar skorer.

Minkejja dan, il-partita damet biex qabdet ir-ritmu tant li sa nofs l-ewwel sessjoni Hibs kienu biss 6-5 minn fuq. Minn hawn ‘il quddiem, Hibs bdew jiddominaw il-partita u għamlu l-ewwel run ta’ 11-4 bil-punti maqsuma bejn diversi players fosthom Whilby, Marie Buhagiar u Fanni Fabok. Fusion kellhom il-punti ta’ Nicole Vella però Hibs temmew is-sessjoni 17-11 minn fuq.

Fit-tieni perjodu, kien hemm bidu tajjeb minn Hibs bi tmien punti mingħajr risposta fosthom żewġ baskets ta’ Iona Agius. Wara li Fusion waqqfuhom b’basket minn Vella, Hibs kellhom it-trippli ta’ Kaya Calleja u Amy Mallia f’run oħra ta’ 13-3. It-taqsima għalqet bi three pointer fuq kull naħa minn Julia Schembri u Iona Agius għal skor ta’ 46-19.

Wara l-intervall Hibs komplew jiddominaw u kellhom fost l-oħrajn run oħra ta’ 20-2, fejn kellhom diversi trippli minn Whilby u Jasmine Abela għal skor ta’ 68-26. Kien għad fadal ħin għal żewġ baskets oħra fuq kull naħa biex Hibs baqgħu fuq quddiem b’vantaġġ komdu 72-27. L-aħħar taqsima kienet biss formalità u serviet biss biex aktar players tal-Hibs iżidu l-punteġġ tagħhom speċjalment Whilby li kienet protagonista f’run oħra ta’ 15-2. Schembri kellha trippla oħra għal Fusion bil-Hibs jgħaqqdu l-mitt punt b’basket ta’ Britney Agius. Fl-aħħar żewġ minuti kien hemm ukoll trippla ta’ Eliza Farrugia flimkien mal-punti ta’ Nicole Vella u Nicole Montalvo għal Fusion hekk kif Hibs ħarġu rebbieħa 107-38 bil-players kollha tagħhom iniżżlu isimhom fost l-iskorers.

Fusion Quest: H. Grixti, J. Schembri 7, A. Parnis 3, N. Vella 17, N. Montalvo 11.

Hibernians: M. Buhagiar 7, E. Farrugia 11, F.Fabok 6, I. Agius 11, L. Whilby 35, J. Abela 5, B. Agius 2, K. Calleja 9, J. Gauci 2, J. Dabic 12, M. Mendez 2, A. Mallia 5.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Nelson Da Silva.