Internazzjonali

L-Irlanda: Riżenja sorpriża ta’ Varadkar minn Prim Ministru …deċiżjoni bbażata fuq ‘raġunijiet politiċi u personali’

Il-Prim Ministru tar-Repubblika Irlandiża, Leo Varadkar, ikkonferma r-riżenja tiegħu  bħala pass li ssorprenda lill-poplu flimkien mal-analisti politiċi f’Dublin.

Varadkar, waqt diskors, qal li hu qed jirriżenja minn Prim Ministru kif ukoll bħala Kap tal-Partit Fine Gael għal ‘raġunijiet personali u politiċi’ . Dan ukoll wara li l-partit tiegħu kellu jgħaddi minn ġimgħat ta’ taqlib notevoli.

Intant jidher li d-disfatta ta’ Varadkar waqt ir-referendum relatat mal-bidliet fil-Kostituzzjoni tal-Irlanda, x’aktarx li kienet fost il-fatturi li influwenzaw id-deċiżjoni tiegħu. Hu, waqt id-diskors ta’ riżenja, esprima t-twemmin li l-Fine Gael se jkollu aktar ċansijiet għal suċċess ‘b’kap ieħor fit-tmun tal-partit’.

Dan meta l-Irlanda, l-istess bħal pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea, qed tħares ‘il quddiem lejn l-elezzjonijiet lokali u, l-aktar, lejn l-elezzjonijiet ta’ Ġunju għall-Parlament Ewropew.

Il-Viċi Prim Ministru Irlandiż, Micheál Martin, qal li l-aħbar ta’ Varakar ‘ma għandha l-ebda preċedent fil-pajjiż fuq ħafna livelli’. U minkejja li t-tluq ta’ Varadkar minn kap ta’ koalizzjoni magħmulha minn tliet partiti ma tfissirx li l-pajjiż irid jaħseb mal-ewwel f’elezzjoni ġenerali, l-uffiċjali tal-Fine Gael mhumiex mistennija jitilfu żmien biex isibu s-suċċessur ideali.