Resqin lejn l-aħħar fażijiet tagħhom il-preparamenti għall-attività tal-Mixegħla, attività li sservi wkoll bħala appuntament ikoniku li jispira eluf ta’ Maltin biex jidħlu fis-solennità tal-Ġimgħa l-Kbira.
Ħamis ix-Xirka jingħata bidu għal din l-attività, li se tara lill-Pjazza San Nikola fis-Siġġiewi tinbidel f’xena mill-isbaħ mis-7pm sa tard bil-lejl.
Pjazza San Nikola se tinxtegħel b’wirja spettakolari b’1,500 fjakkola maħdumin bl-idejn, li se jiffurmaw disinn artistiku. Is-salib tradizzjonali se jinxtegħel ukoll, filwaqt li se ssir fjakkolata mat-telgħa kollha tas-Salib tal-Għolja.
Apparti l-Mixegħla, se jkun hemm varjetà ta’ arti sagra tradizzjonali fil-Kappella ta’ San Ġwann il-Battista, li se jesebixxu l-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù.
Tikkumplimenta din il-mixegħla se jkun hemm ukoll wirja mtellgħa mill-Għaqda tan-Nar fil-kappella medjevali ta’ Ħal Xluq.
Din it-tradizzjoni bdiet fl-1994 u issa saret jum sinonimu mas-Siġġiewi, kif ukoll mal-kalendarju tal-attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa li jsiru madwar Malta u Għawdex, li għalih jattendu eluf ta’ persuni.
Din l-attività hija organizzata mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, kif ukoll mill-Każin Banda San Nikola li jieħdu ħsieb il-mixegħla tas-Salib tal-Għolja, u l-grupp Armar Siġġiewi li jieħdu ħsieb il-mixegħla ta’ Pjazza San Nikola.
//= $special ?>