Lokali Qorti

Probation għal pulizija li ħebb għal mara li ma ġabritx il-ħmieġ tal-kelb quddiem darhu

Pulizija ta’ 47 sena minn Ħ’Attard tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal sentejn wara li nstab ħati li ħebb għal mara u kkaġunalha ġrieħi ħfief, wara li ma ġabritx il-ħmieġ li l-kelb tagħha għamel quddiem id-dar tiegħu.

Elton Buckingham instab ħati li wettaq dan ir-reat fit-18 ta’ Awwissu 2022 f’Ħ’Attard. Huwa kien ġie akkużat li kkawża ġrieħi ħfief fuq mara barranija, li beżżagħha u li wettaq reat li bħala uffiċjal pubbliku kellu jara li ma jseħħx.

Fid-19 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet huwa kien instab ħati u ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal 28 xahar, madankollu ħames xhur wara l-Qorti tal-Appell Kriminali annullat is-sentenza u ordnat li terġa’ tingħata għal raġunijiet legali.

Il-kawża ġiet quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello u fiha rriżulta li meta l-mara Brażiljana ma ġabritx il-ħmieġ li l-kelb tagħha ħalla quddiem id-dar tal-akkużat, huwa u martu bdew jargumentaw magħha. Il-vittma xehdet li mart l-akkużat qabditha minn idha mbagħad l-akkużat taha daqtejn waqt li kienet daharha lejh u pprova jirriversja l-karozza għal fuqha meta bdiet tieħu ritratti tal-karozza biex tagħmel rapport dwar l-inċident.

Il-Pulizija xehed li meta martu marret tgħidilha tiġbor il-ħmieġ tal-kelb, semagħhom joffendu lil xulxin u wara li ħareġ mill-karozza, ra d-demm ma’ suba’ martu u meta l-vittma bdiet tgħajjat, imbuttaha. Il-Maġistrat Montebello qalet li hija temmen il-verżjoni tal-vittma li l-akkużat ħebb għaliha u kkaġunalha ġrieħi ħfief imma mhux li beżżagħha.

Meta ġiet biex tagħti l-piena, il-Qorti qalet li għalkemm Buckingham ma wera ebda sogħba għal dak li għamel, l-inċident kellu impatt ħażin fuqu minħabba biża’ li dan seta’ kellu fuq il-karriera pożittiva tiegħu fil-Korp tal-Pulizija.

Il-Maġistrat għamlitha ċara iżda, li xejn ma jiġġustifika l-azzjonijiet tiegħu, li ddeskriviethom bħala “indinjitużi u ta’ għajb”, madankollu qalet li l-inċident ma jimmeritax li jiġi kkundannat il-ħabs anke għax is-servizz li ta fil-Korp kien impekkabbli.

Irrimarkat ukoll li l-aġir tiegħu kien xprunat mill-frustrazzjoni tal-familja tiegħu li ħabbtu wiċċhom ma’ aġir ta’ persuni bla rispett u bla sens ta’ ċiviltà li ma jaħsbuhiex darbtejn biex iħammġu t-triq quddiem ir-residenza tagħhom.

Minbarra l-ordni ta’ probation, il-Maġistrat Montebello ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin biex tipproteġi lill-vittma.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Grazielle Muscat u Robert Vella.