Lokali Qorti

SOLVUT IL-MISTERU: Raġel fis-sakra li spara arma f’Tas-Sliema mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin

Fil-jiem jew ġimgħat li ġejjin il-Pulizija mistennija tressaq b’ċitazzjoni u mhux b’arrest, raġel Malti ta’ 50 sena mixli li spara arma tan-nar f’post pubbliku. Din b’rabta ma sparatura “aċċidentali” li seħħet fil-15 ta’ Marzu kmieni l-Ġimgħa filgħodu f’Tas-Sliema.

Huwa mistenni jiġi mixli wkoll li kien fi stat li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Il-każ misterjuż ġara hekk kif fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, għall-ħabta tas-sagħtejn, instema’ dak li ġie deskritt bħala ħoss ta’ sparatura minn blokka ta’ appartamenti.

Il-Pulizija ġew infurmati wara nofsinhar li kienet seħħet sparatura minn appartament fi Triq il-Kbira. Dan wara rapport li sar minn turista li tgħix fi blokk appartamenti. Fiz-zona kien hemm preżenza qawwija ta’ Pulizija, membri tal-forensika u anke ambulanza. Fortunatament ħadd ma kien weġġa’ f’din l-isparatura għax il-balla spiċċat f’binja fil-faċċata.

Minn informazzjoni li għandu NET News, it-turista ħadet il-qata’ ta’ ħajjitha meta ndunat b’ħofra li kien hemm man-naħa ta’ fejn hija tabita, u ndunat li din kienet saret minn balla ġejja minn pistola. Fil-post kienu marru l-Pulizija, fosthom dawk mis-Sezzjoni tal-Forensika, fejn xi persuni indikawlhom minn fejn x’aktarx seħħet l-isparatura, hekk kif kien hemm binja li kellha xi ħsara.

L-appartament minn fejn x’aktarx saret l-isparatura ġie identifikat wara ftit u hemmhekk il-Pulizija sabet lir-raġel ta’ 50 sena li spjega li għall-ħabta tas-2am, kien fi flat faċċata ta’ fejn intlaqtet il-binja meta għal xi raġuni l-pistola sparat b’mod aċċidentali.

Wara stħarriġ mill-Pulizija rriżulta li r-raġel kellu pistola f’idu waqt li kien fis-sakra u b’mod aċċidentali laqat il-grillu bil-balla tmur in-naħa l-oħra tat-triq, bit-turista tinnota l-ħofra fil-ħajt madwar 12-il siegħa wara li ġiet sparata.

Bil-każ kienet ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Abigail Critien li ordnat inkjesta maġisterjali kif ukoll ħatret numru ta’ esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija baqgħu għaddejin, bl-Ispettur Eman Hayman imexxihom flimkien ma’ numru ta’ Pulizija mid-distrett ta’ Tas-Sliema.