Mir-Rabat għal Vjenna. Wara li attendiet għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ San Ġużepp, Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola taret lejn il-kapitali tal-Awstrija fejn kompliet biż-żjarat tagħha fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea bħala parti mill-kampanja li qed tmexxi biex aktar nies joħorġu jivvutaw fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju li ġej.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet mal-Kanċillier tal-Awstrija Karl Nehammar, Roberta Metsola qalet li f’din l-elezzjoni rridu nkunu onesti dwar il-kisbiet tal-Ewropa u dwar kif nistgħu nagħmlu aħjar.

Hi tkellmet ukoll dwar l-importanza li mit-tkabbir ekonomiku, jgawdi kulħadd.
Minbarra mal-Kanċillier, il-President Metsola kellha laqgħat ukoll mal-Ministru tal-Affarijiet Ewropej Karoline Edtstadler, kif ukoll mal-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Parlament Wolfgang Sobotka.
Simili ta’ dak li għamlet f’Malta ġimgħatejn ilu, l-President Metsola ngħatat ukoll merħba mill-isbaħ fil-Fakulta’ tal-Liġi fl-Universita’ ta’ Vjenna, fejn hemmhekk setgħet twieġeb għall-mistoqsijiet li għamlulha mijiet ta’ student u żgħażagħ Awstrijaċi.
