Lokali

Żagħżugħ iweġġa’ gravi f’Birkirkara

Għall-ħabta tas-6pm. tal-bieraħ il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq Fleur-De-Lys, Birkirkara minħabba li kien hemm persuna li kellu xi ġrieħi. Immedjatament il-Pulizija marru fuq il-post u rrizulta li l-vittma, żagħżugħ ta’ 17-il sena residenti l-Ħamrun, kien intlaqat minn karozza Toyota Tercel, bix-xufier jaħrab minn fuq il-post. Fl-inċident xi vetturi pparkjati ġarrbu xi ħsarat.

Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn
ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi. Investigazzjonijiet intensivi tal-pulizija wasslu sabiex madwar siegħa wara nstabet il-karozza involuta u jiġi arrestat l-allegat xufier, żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti n-Naxxar.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea li ħatret inkjesta, filwaqt
li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija rigward dan il-każ għadhom għaddejjin biex tiġi stabbilita d-dinamika tal-każ.